Ta’ spiss fit-tmexxija tal-proġetti tal-gvern, apparti li dawn idumu aktar milli jkun stmat li se jagħmlu, jirriżulta li proġett jiġi jiswa ħafna aktar milli jkun ippjanat. Wara, jinstabu difetti fit-twettiq tant li ċertu xogħol ikollu jerġa’ jsir. Biex tgħaxxaqha, l-bozza ħamra tinxtegħel żmien sew wara li l-proġett ikun ingħalaq.
Hemm problema oħra f’dan kollu (għalkemm ma tissemmiex): dawn il-problemi jiġu preżentati qishom kienu “ta’ darba”… għax inzerta dan l-aspett jew dak l-individwu li jaħtu għal x’ġara. Mentri l-problema hi sistemika: tinqala’ u se tibqa’ tinqala’ għax il-mekkaniżmi li bihom il-proġetti jitmexxew mhumiex addatti għax-xogħol li l-gvern jidħol għalih. Terġa’, bilkemm jeżistu mekkaniżmi biex bihom il-problemi li jinqalgħu jiġu ffaċċjati ħalli jekk jerġgħu jqumu, ikunu jistgħu jitwittew. L-aktar li naslu hu sar-rapport tal-awditur mimli biki u lmenti.
Huma meħtieġa strutturi u regoli aġġornati, flessibbli u effettivi dwar kif il-proġetti tal-gvern jiġu maħduma, immexxija u sorveljati. Dnub li dil-ħtieġa għadha mhix mifhuma tajjeb.
FINANZI TA’ PARTIT
Ma nistax nifhem kif Partit li qed jaspira għat-tmexxija ta’ gvern f’demokrazija jista’ jibqa’ għal snin sħaħ mingħajr ma josserva liġi li tgħid kif għandu jissottometti kull sena il-kontijiet awditjati tal-finanzi tiegħu. Kieku jsostni li ma jaqbilx mal-liġi għax ngħidu aħna, jqisha bħala waħda anti-demokratika, forsi nifhimha.
Imma dan mhux il-każ tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista. Jekk fhimt tajjeb ir-raġuni mogħtija għaliex il-liġi mhix qed tiġi rispettata hi li l-kontijiet awditjati baqgħu ma tlestewx. Kieku dan seħħ għal ftit taż-żmien biss, forsi anke din kienet tiftiehem. Imma mhux għal żmien ta’ snin… U kieku kien hemm rieda tajba, setgħu jiġu sottomessi temporanjament, kontijiet mhux awditjati. Xejn ma jagħmel sens li ħaġa bħal din, anke f’isem il-korrettezza formali, inżammet indendla għaldaqstant żmien. Anke jekk fin-nofs hemm xi biża’ li kieku l-kontijiet jiġu pubblikati, il-PN ikollu jiddikjara falliment finanzjarju.
TERRORIŻMU
Fir-relazzjonijiet internazzjonali, il-kliem terrorista/terroriżmu baqgħu jieħdu tifsira tassew stramba. Tingħata lill-għedewwa ta’ naħa jew oħra, skond liema naħa qed tappoġġja. Dak li għal naħa hu terroriżmu, għal ta’ kontrih hu ġlieda patrijottika, għall-ħelsien. Meta l-Ukreni jirnexxilhom iwettqu xi attakk fil-fond tar-Russja, għar-Russi huma terroristi… anke jekk iż-żewġ naħat jinsabu fi gwerra bejniethom.
Meta l-Iżraeljani jirnexxilhom joqtlu gzuz ta’ Palesinjani ċivili innoċenti, kif saru jagħmlu ta’ kuljum, malajr ilaqqmuhom terroristi. Ħalliha li l-Iżrael twieled in parti b’saħħet tal-iStern Gang, imlaqqam bħala terrorist mill-Ingliżi. Dawn imbagħad kienu laqqmu bl-istess mod lill-forzi partiġġjani għall-ħelsien tal-Kenja kważi fl-istess żmien.