Investigazzjonijiet li ilhom għaddejjin għal dawn l-aħħar xhur mill-Pulizija tad-Dipartiment talInvestigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji, b’rabta ma’ użura u ħasil ta’ flus wasslu għall-arrest ta’ sitt persuni.
It-Tnejn filgħodu, il-Pulizija wettqet operazzjoni fi Triq Stiefnu Zerafa u Triq is-Santissima Trinita fil-Marsa, minn fejn allegatament kienu joperaw l-arrestati. Mill-investigazzjonijiet illi saru sa issa, il-Pulizija identifikat madwar 50 vittma.
Minn numru ta’ residenzi f’dawn it-toroq, il-Pulizija ssekwestrat eluf ta’ ewro fi flus kontanti, annimali eżotiċi, kif ukoll oġġetti oħra meqjusa relevanti għall-investigazzjoni li tinsab għaddejja.
Il-Maġistrat Dr Joe Mifsud LL.D. qed imexxi inkjesta, waqt li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.

