Friday, July 26, 2024

Sitt rekords tal-football li jistgħu jinkisru f’din is-sena kalendarja

Aqra wkoll

Hekk kif għadda kważi l-ewwel xahar mill-bidu tas-sena 2024 hemm xi rekords tal-football tal-’ġenn’ li ma nistgħux nemmnu li huma fix-xifer li jinkisru.

Din is-sena kalendarja qed tipprepara biex tkun sena mimlija għall-football … bit-Tazza tan-Naz­zjonijiet Afrikani (AFCON), it-Tazza tal-Asja AFC, li qed isiru bħalissa, il-Euro 2024 u l-Copa America, kol­lha jiġu mbuttati flimkien mal-iskeda tal-football domestiku.

Din li ġejja hija ħarsa ta’ dawn ir-rekords li jistgħu jinkisru li b’kollox huma sitta:

REKORD TAD-DEHRIET FIL-PREMIER LEAGUE

James Milner għamel is-632 dehra tiegħu fil-Premier League kontra West Ham u tela’ ras imb’ras mal-eks winger ta’ Manchester United, Ryan Giggs, fit-tieni post għall-biċċa l-kbira tal-logħob fil-kompetizzjoni. Issa l-eks wing-back ta’ Manchester City u Liverpool għandu biss 20 dehra wara Gareth Barry, eks Manchester City u Aston Villa li għandu r-rekord b’653.

Il-midfielder ta’ Brighton mhux se jkollu ċ-ċans li jikser ir-rekord f’dan l-istaġun 2023-24, iżda jista’ jagħmel dan fil-bidu tal-2024-25. Milner mhu qed juri l-ebda sinjali li qed inaqqas mill-prestazzjonijiet tiegħu u żgur li se jkollu dan ir-rekord quddiem għajnejh.

Fil-logħba kontra Wolves tat- Tnejn li għadda, Milner qabeż waħdu fit-tieni post, 20 logħba inqas minn Barry.

L-IXJEĦ PLAYER FIL-EUROS

Gabor Kiraly huwa rikonoxxibbli istantanjament għall-qliezet ikoniċi wisgħin griżi tiegħu. 

Il-goalkeeper Ungeriż waqqaf ir-rekord meta kien l-ixjeħ player li deher f’tournament tal-Euro fl-2016 hekk kif dak iż-żmien kellu 40 sena.

Madankollu, ir-rekord tiegħu issa jinsab fil-periklu li jinqabeż. Id-di­fensur ċentrali Pepe għadu player attiv mat-team nazzjonali Portugiż u se jkollu 41 sena sa meta jibdew il-finali tal-Euro 2024.

Iżda min-naħa l-oħra wieħed irid jara jekk Pepe huwiex se jiġi nkluż fl-iskwadra ta’ Roberto Martinez fis-sajf li ġej, iżda jista’ jikteb l-istorja jekk fil-fatt jiġi magħżul.

L-AKTAR GOALS FI STAĠUN TAL-BUNDESLIGA

Meta Robert Lewandowski stabbilixxa r-rekord tal-aktar goals fi staġun tal-Bundesliga fl-2020–21,  deher qisu numru insuperabbli għall-biċċa l-kbira tal-attakkanti.

Madankollu, ftit snin wara …. Harry Kane huwa diġà fit-triq it-taj­ba li jagħmel dan. Lewandowski bħalissa għandu r-rekord tal-aktar goals fi staġun wieħed tal-Bundesliga b’41.

Bir-rata li qed jiskorja Kane bħal­issa, huwa pproġettat li jtemm il-kampjonat tad-debutt tiegħu fil- Bundesliga bi 48 goal li jkun għadd tassew redikoli.

L-AKTAR TELFIET FI STAĠUNTAL-PREMIER LEAGUE

Partitarji ta’ Burnley u Sheffield United żgur li jinsabu skomdi. Iż-żewġ timijiet tilfu 15 mill-20 partita tal-ftuħ tagħhom fil-Premier League ta’ dan l-istaġun 2023-24 u jistgħu jiktbu l-istorja għar-raġunijiet kol­lha negattivi.

Il-Clarets u l-Blades tilfu 75% tal-logħbiet tagħhom tal-kampjonat dan l-istaġun u huma pproġettati li jitilfu 28.5 logħba kull wieħed matul l-istaġun kollu.

Ir-rekord tal-aktar telfiet fi staġun wieħed huwa ta’ 29 li bħalissa qed jinżamm minn Ipswich Town (1994-95, 42 partita), Sunderland (2005-06), Derby (2007-08) u Sheffield United (2020-21) .

Jekk l-ebda team ma jirnexxielu jirritorna fil-forma tiegħu fit-tieni nofs tal-istaġun, dan ir-rekord inkwetanti jista’ jinkiser.

L-AKTAR ASSISTS FL-ISTORJA TAL-EUROS

Cristiano Ronaldo diġà għandu r-rekord tal-aktar goals fl-istorja tal- Euros b’14 u issa jista’ jħares lejn rekord ġdid.

Is-superstilla Portugiż jinsab assist biss bogħod mir-rekord ta’ tmien assists ta’ Karel Poborsky.

Minħabba l-’qawwa tan-nar’ kol­lha għad-dispożizzjoni tal-Portugall, dan ir-rekord jinsab f’idejn Ronaldo.

L-AKTAR GOALS FL-ISTORJA TAL-COPA AMERICA

Lionel Messi għandu r-rekord tal-aktar assists fl-istorja tal-Copa America u mhux daqshekk ‘il bogħod milli jkun l-aqwa skorer ta’ kull żmien tal-kompetizzjoni.

Norberto Mendez tal-Arġentina u Zizinho tal-Brażil bħalissa għandhom ir-rekord bi 17-il goal kull wieħed. L-ammont ta’ Messi fil-Copa America bħalissa huwa ta’ 13-il goal u għalhekk għandu xi jlaħħaq.

L-attakkant ta’ Inter Miami rnex­xielu jiskorja erba’ goals matul l-aħħar tournament fl-2021 u għalhekk mhuwiex diffiċli li wieħed jissuġġerixxi li din id-darba jista’ jaq­beż dak it-total.

.

Ekonomija

Sport