Saturday, January 10, 2026

Sitt snin ta’ riformi kbar fid-dinja tax-xogħol

- is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja fisser dawn l-aħħar sitt snin, taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela, bħala li kienu kkarraterizzati minn riformi kbar fid-dinja tax-xogħol. 

F’kummenti ma’ dan il-ġurnal, Bugeja elenka l-bosta riformi mwettqa tul dawn l-aħħar snin u li minnhom ibbenefikaw il-ħaddiema u l-familji tagħhom, fosthom anke b’titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU beda biex qal li fl-ewwel xhur ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru, konna affaċċjati bil-pandemija tal-Covid-19, iżda permezz ta’ djalogu soċjali b’saħħtu, ġie mitigat l-effett kemm fuq il-postijiet tax-xogħol kif ukoll fuq il-persuni. 

Semma l-ħafna miżuri li kienu ttieħdu f’dan il-perjodu anke f’dak li jirrigwardja l-kwarantina kif ukoll il-Covid Wage Supplement, b’din tal-aħħar Bugeja jqisha bħala li kienet “investiment kbir” fil-ħaddiema, fi żmien meta dawn kienu mitluba jibqgħu d-dar u baqgħu jieħdu l-paga.

Huwa kompla billi rrefera għat-tieni żieda fil-paga minima taħt Gvern Laburista, it-tisħiħ fil-liġi tal-IVF, il-leave tal-adozzjoni, il-parental leave u l-miscarriage leave fost oħrajn. Ma’ dawn hemm ukoll ir-riforma fl-qasam tas-subcontracting, fl-aġenziji tar-reklutaġġ, tal-impjiegi u dawk temporanji, u riforma oħra importanti għall-ħaddiema tal-pjattaforma. 

“Konna l-ħames pajjiż fl-Unjoni Ewropea li daħħalna liġijiet biex nipproteġu lill-ħaddiema tal-pjattaforma. Meta bdejna waqt il-Covid, dawn lanqas kienu jiġu kkunsidrati bħala ħaddiema. Għaldaqstant ridna mhux biss nagħtuhom kundizzjonijiet imma nagħtuhom status ta’ ħaddiema,” qal Bugeja. 

Huwa rrefera għal riforma oħra, dik dwar il-COLA, fejn il-Gvern ta’ Robert Abela għamel it-tieni COLA, li tingħata lill-aktar persuni vulnerabbli. Fir-rigward tal-prinċipju tal-ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur, Bugeja qal li din kienet kruċjali biex il-ħaddiema tal-kuntrattur u dawk impjegati dirett mal-Gvern, ikollhom l-istess kundizzjonijiet tax-xogħol. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU tenna li għal dan is-sena hemm ippjanata wkoll id-Direttiva dwar it-Trasparenza fil-Pagi. “Id-dinja tax-xogħol qiegħda kontinwament tinbidel. Però dawn is-sitt snin, żgur li kienu mmarkati b’riformi kbar fid-dinja tax-xogħol u l-benefiċċji li ngħataw anke bil-ftehimiet kollettivi li saru,” temm jgħid Bugeja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport