Sunday, October 27, 2024

Sitt snin u nofs ħabs bejniethom wara li serqu minn persuni li jwasslu l-ikel

Aqra wkoll

Raġel u mara bil-vizzju tad-droga, li wettqu diversi serqiet fuq persuni li jwasslu l-ikel fuq perjodu ta’ erbat ijiem, kienu kkundannati sitt snin u nofs ħabs bejniethom wara li wieġbu ħatja tal-akkużi miġjuba fil-konfront tagħhom.
Axil James Busuttil ta’ 31 sena residenti Birżebbuġa u Anaise Sammut ta’ 26 sena minn Raħal Ġdid, kienu tressqu l-Qorti mixlija b’diversi serqiet li seħħew bejn it-3 u s-7 ta’ Diċembru li għadda fiż-Żejtun u f’Biżebbuġa.
Busuttil waħdu kien mixli li seraq flus, mobile u oġġetti oħra minn fuq erba’ persuni u li sar reċediv. Dan filwaqt li Sammut waħedha kienet mixlija b’kompliċità f’dawn is-serqiet.
Il-Maġistrat Charmaine Galea, li quddiemha tressqu ż-żewġ imputati, semgħet kif dawn kienu għamlu xi żmien ħielsa mid-droga iżda dan l-aħħar reġgħu waqgħu fil-vizzju u sfortunatament dan wassalhom sabiex iwettqu dawn ir-reati.
Dwar il-piena, il-Qorti kkunsidrat in-natura tar-reati li tagħhom qegħdin jinstabu ħatja l-imputati, il-fedina penali rispettiva kif ukoll il-fatt li mal-ewwel okkażjoni huma ammettew il-ħtija tagħhom u kkoperaw mal-prosekuzzjoni wara li ġew arrestati.
“Il-Qorti tqis illi r-reati mwettqa mill-imputati huma ta’ natura serja ħafna u ħallew aktar minn vittma waħda, liema vittmi sfaw misruqa u aggrediti waqt li kienu fuq il-lant tax-xogħol tagħhom.”
Il-Qorti kkunsidrat ukoll li l-imputati stqarrew li għandhom problema ta’ dipendenza fuq sustanzi illeċiti u li jixtiequ li jiġu megħjuna sabiex iqumu fuq saqajhom tant li jemmnu li l-aħjar post fejn dan jista’ jsir huwa billi jkunu f’ambjent ikkontrollat.
Għalhekk, wara li ħadet dan kollu inkonsiderazzjoni, il-Qorti qalet li l-uniku piena idonea għar-reati mwettqa minnhom hi dik ta’ priġunerija effettiva flimkien ma’ ordni ta’ trattament biex ikunu megħjuna jiksbu dawk il-ħiliet kif għandhom imexxu ħajjithom ‘il quddiem u jinqalgħu minn dan iċ-ċirku vizzjuż li qegħdin fih.
Axil James Busuttil kien ikkudannat għal piena ta’ erba’ snin priġunerija filwaqt li Anaise Sammut kienet ikkundanata piena ta’ sentejn u nofs ħabs. Il-Qorti poġġiethom ukoll taħt ordni ta’ trattament għal żmien tliet snin.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Avukat Brandon Bonnici mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispetturi Shawn Pawney u Lydon Zammit. L-Avukat Mario Caruana deher għal Busuttil mentri l-Avukat Julia Micallef Stafrace dehret għal Sammut.

Sport