Wednesday, July 24, 2024

L-Ungerija timblokka €50 biljun f’għajnuna tal-UE għall-Ukrajna

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orbán imblokka €50 biljun f’għajnuna tal-Unjoni Ewropea għall-Ukrajna, ftit sigħat biss wara li kien intlaħaq ftehim dwar il-bidu tat-taħditiet dwar is-sħubija tal-Ukrajna fl-UE.

Orban kiteb fuq il-midja soċjali: “sommarju ta’ dak li ġara: veto dwar flus żejda lill-Ukrajna.” Sadanittant, il-mexxejja Ewropej qablu li jerġgħu jiltaqgħu kmieni s-sena d-dieħla biex jipprovaw jilħqu qbil dwar l-appoġġ lil Kyiv.

“Fost 26 pajjiż hemm qbil. Iżda ma hemm l-ebda qbil min-naħa tal-Ungerija sa issa. Madanakollu, ninsabu kunfidenti għas-sena d-dieħla,” qal il-Prim Ministru Olandiż Mark Rutte.

Dwar il-pakkett finanzjarju ta’ għajnuna, Orbán argumenta li l-Ukrajna m’għandhiex tieħu ammonti daqshekk kbar ta’ flus mill-baġit tal-Unjoni Ewropea peress li ma tagħmilx parti mill-blokk Ewropew.

Mexxejja oħra assiguraw lil Kyiv li jistgħu jgħaddu l-għajnuna barra mill-baġit tal-UE jekk l-Ungerija tibqa’ żżomm l-imblokk tagħha.

Sadanittant, il-President Ukren Volodymyr Zelensky sejjaħ id-deċiżjoni dwar it-taħditiet bħala “rebħa li timmotiva, tispira u ssaħħaħ.”

Ekonomija

Sport