Monday, May 13, 2024

Sitt Spanjoli fil-Qorti wara li nstabu fi gruppi ta’ aktar minn erbgħa u ħebbew għall-Pulizija

Aqra wkoll

Tressqu l-Qorti sitt Spanjoli li l-Ġimgħa filgħaxija nstabu fi gruppi ta’ aktar minn erbgħa persuni quddiem stabbiliment tax-xorb fix-xatt ta’ Spinola bi ksur tal-avviżi legali ppubblikati riċentament, u allegatament aggredew u rreżistew lill-Pulizija. 

L-imputati huma Maria Patricia De Las Heras ta’ 36 sena, Christoph Jorge Valvidia Docio ta’ 35 sena, u Carla Ramirez Casco ta’ 23 sena, Luis Cacas Pombo ta’ 29 sena, Jorge Martin Gutierrez ta’ 24 sena u Blanca Fibla Ganzenmuller ta’ 22 sena. 

Huma ġew mixlija li aggredew ħames uffiċjali tal-pulizija, li heddewhom u ma obdewx l-ordnijiet tagħhom, li kisru l-ordni li ngħata mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika li tipprojbixxi grupp ta’ iktar minn erba’ persuni f’postijiet pubbliċi u li kisru l-paċi pubblika b’għajjat u ġlied.

De Las Heras u Fibla Ganzenmuller waħedhom kienu mixlija li għamlu ħsara fi ħwejjeġ ħaddieħor, b’tal-ewwel tiġi akkużata wkoll li darbet ħafif lis-Surġent Mark George Cremona. L-imputat Christoph waħdu ġie mixli wkoll li darab ħafif lill-Kuntistabbli Luke Grima u rrifjuta milli jagħti d-dettalji tiegħu lill-Pulizija.

Quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, tlieta mill-akkużati – De Las Heras, Valvidia Docio u Ramirez Casco – wieġbu mhux ħatja mentri t-tlieta l-oħra – Casas Pombo, Martin Gutierrez u Fibla Ganzenmuller – ammettew l-akkużi miġjuba kontriehom.

Cacas Pombo u Martin Gutierrez kienu kkundannati xahrejn ħabs sospiżi għal sentejn u multa ta’ €2,500 kull wieħed, waqt li Fibla Ganzenmuller kienet ikkundannata disa’ xhur ħabs sospiżi għal tliet snin flimkien ma’ multa ta’ €2,500. It-tliet imputati l-oħra ngħataw il-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Leeroy Balzan Engerer. L-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia dehru għall-akkużati.

Sport