Adam Lias ta’ 23 sena u raġel ieħor ta’ 17-il sena, it-tnejn mis-Sudan u residenti fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far, intbagħtu sitt xhur ħabs kull wieħed wara li pprovaw jaħarbu minn Malta moħbijin taħt kontejner li kien fi triqtu lejn l-Italja.
Huma ammettew li s-Sibt li għadda, għall-ħabta tal-11.30 a.m., kisru l-liġijiet tal-immigrazzjoni meta pprovaw jitilqu minn Malta bil-katamaran mingħajr dokumenti u bla ma taw l-informazzjoni kollha lill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni.
Adam Lias waħdu ammetta wkoll li wettaq ħarba sempliċi waqt li kien fil-kustodja ta’ persuni inkarigati mill-kustodja tagħhom.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia, sabithom ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom u kkundannathom sitt xhur priġunerija kull wieħed.
Intant, f’każ separat, ġuvni ta’ 15-il sena mill-Kosta tal-Ivorju u residenti wkoll fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far, intbagħat tliet xhur ħabs wara li ammetta li uża passaport li ma kienx tiegħu biex ikun jista’ jivvjaġġa lejn Katanja.