Is-sitwazzjoni ta’ tħassib li qiegħda tiżviluppa fil-Baħar l-Aħmar, li minnu jgħaddu ammont kbir ta’ bastimenti fi triqithom għal Kanal tas-Swejż u wara jidħlu fil-Mediterran, qiegħda twassal biex għadd ta’ bastimenti qiegħed ikollhom jieħdu rotot alternattivi li huma itwal, apparti li b’dawn ir-rotot tiżdied ukoll l-ispiża biex tinġarr il-merkanzija. Dan qed isir minħabba it-theddid u ħtif ta’ bastimenti f’din iż-żona.
Il-Port Ħieles f’Malta iddikjara li “jinsab f’kuntatt mill-qrib mal-klijenti fejn jirrigwarda bastimenti li jkunu qegħdin iġorru l-kontejners u li jkunu ġejjin lejn Malta. Il-Kap Eżekuttiv tal-Port Ħieles, Alex Montebello iddikjara li “din hi sitwazzjoni straordinarja.
Hemm xi servizzi li qiegħed jirnexxielhom jgħaddu mill-Baħar l-Aħmar u dawn qegħdin jaslu fil-Port Ħieles, imma hemm oħrajn li qegħdin jieħdu rotta alternattiva. Il-flessibilità hi kruċjali f’dan ix-xenarju li qiegħed jevolvi. Li nservu l-klijenti tagħna tibqa’ l-prijorità ewlenija tagħna. Qegħdin nagħmlu l-aħjar tagħna biex nadattaw għall-bżonnijiet”.
Waħda mill-kumpaniji li għal xi żmien waqqfet it-tbaħħir mill-Baħar l-Aħmar kienet il-kumpnaija Maersk. Dan kien sar wara li l-Qawwa Navali tal-Istati Uniti qerdet dgħajjes tal-Houti wara li dawki li kienu fuq dawn id-dgħajjes ippruvaw jitilgħu fuq bastiment kbir fil-Baħar l-Aħmar. Dgħajjes li kienu fl-inħawi kkontrollati mill-Houthi fil-Jemen, sparaw fuq il-bastiment tal-kummerċ Maersk Hangzhou li kienu metri ‘l bogħod minnu.
Il-Forzi ta’ Houthi ilhom jattakkaw bastimenti fil-Baħar l-Aħmar minn Novembru u wettqu attakki b’missili u drones fuq bastimenti li jkunu għaddejjin minn post kruċjali għall-kummerċ marittimu.