Sunday, May 5, 2024

Skema finanzjarja li tinċentiva favur produzzjoni organika mill-bdiewa

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo nieda skema finanzjarja immirata lejn sidien ta’ raba’ li jikru l-art tagħhom lill-bdiewa li jagħżlu li jwettqu biss produzzjoni organika. Permezz ta’ dan qed titwettaq miżura oħra mħabbra fil-Budget għal din is-sena.

Ġie spjegat kif is-sid li jrid jikri r-raba’ b’kuntratt ta’ ħames snin se jirċievi pagament ta’ €1,174 għal kull ettaru, fl-ewwel sentejn. Il-pagament huwa ta’ €587 fl-ewwel u t-tieni sena, u għat-tliet snin ta’ wara s-sid jingħata pagament ta’ €300 kull ettaru kull sena. Id-Direttur għall-Agrikoltura Marco Dimech spjega kif permezz ta’ din il-miżura qed ninċentivaw lil sidien ta’ art biex jidħlu fi ftehim ma’ bdiewa sabiex l-art tintuża għall-produzzjoni ta’ prodotti b’ċertifikazzjoni organika.

L-Ambaxxatriċi għall-Ikel Organiku u Sostenibbli Sonya Sammut saħqet kif din il-miżura qiegħda twassal ukoll sabiex titwettaq waħda mill-azzjonijiet tal-Pjan Nazzjonali għall-Ikel Organiku li għadu kemm tħejja iktar kmieni din is-sena. “L-inċentivi li qegħdin noffru huma għodda importanti ferm għax minbarra li jwasslu biex il-bidwi jkollu aċċess ikbar għar-raba’, inkunu qegħdin inżidu l-ammont ta’ art fejn nistgħu nkabbru ikel iċċertifikat bħala organiku,” qalet is-Sa Sammut.

Il-Ministru Anton Refalo nnota kif, permezz ta’ dan, il-Gvern qed ikompli jżomm kelmtu sabiex isaħħaħ il-produzzjoni organika f’pajjiżna, wieħed mill-aktar modi sostenibbli fil-qasam agrikolu. “F’Malta fl-2016, it-total ta’ żoni ta’ agrikoltura ttrasformati għall-biedja organika kienu jammontaw għal 24 ettaru, sal-2020 dan tela’ għal 66 ettaru. Għalhekk għaddejjin b’ħidma sabiex anke sal-2030, taħt il-miri tal-Kummissjoni Ewropea, biex pajjiżna jkollu 5% tal-agrikoltura tiegħu bi produzzjoni organika,” saħaq il-Ministru Refalo. L-iskema finanzjarja għandha l-għan ukoll li tgħin fit-tranżizzjoni għall-biedja organika u jitnaqqas l-użu ta’ kimiċi.

Sport