Saturday, May 4, 2024

Imnedija l-inizjattivi Adopt a Pet Allowance u Free Vet Services to NGOs

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said ħabbret żewġ inizjattivi li ser ikomplu jsaħħu s-settur tal-ħarsien tal-annimali. L-ewwel inizjattiva hija kontinwazzjoni tas-servizzi veterinarji b’xejn offruti lill-għaqdiet mhux governattivi. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tgħin fil-ħidma tal-ħafna voluntiera f’dan is-settur.

Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said spjegat li matul dawn l-aħħar sentejn il-Gvern appoġġja lis-santwarji u l-għaqdiet mhux governattivi billi pprovda servizzi veterinarji b’xejn, b’investiment ta’ madwar €80,000. “Ilkoll napprezzaw ix-xogħol li jagħmlu bosta voluntiera fis-santwarji fejn ikunu minn ta’ quddiem biex jipproteġu lill-annimali. Għaldaqstant qed inħabbru estensjoni ta’ dan is-servizz importanti fejn għamilna reviżjoni u żidna l-ammonti. Ser inkunu qed nagħtu €45 għal kull kelb u qattus li l-għaqdiet ikunu qed jieħdu ħsieb u €180 għal kull żiemel,” spjegat Dr Bugeja Said.

Rigward l-iskema tal-adozzjoni, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet li hekk kif imwiegħed fil-manifest elettorali, il-Gvern kommess li jkompli jinċentiva aktar nies biex jadottaw annimali. Għaldaqstant, il-Gvern qed jinvesti madwar €30,000 f’forma ta’ vouchers u kull min jaddotta se jkun jista’ jagħmel użu minnhom meta jirrikorri għal servizzi veterinarji minn wieħed mill-istabbilimenti jew kliniċi li huma rreġistrati mad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali.

“Qed inkomplu naħdmu lejn Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali aktar effettiv fil-ħidma tiegħu filwaqt li nkomplu nagħtu l-għajnuna lill-voluntiera u s-santwarji tagħna,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.

Sport