Saturday, December 14, 2024

Skema ġdida biex tgħin tfal li jkollhom bżonn is-servizz tal-occupational therapy

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli Julia Farrugia Portelli nedew skema ġdida biex jgħinu lil dawk it-tfal u ġenituri li jkollhom bżonn is-servizz tal-occupational therapy.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru qal li bl-iskema l-ġdida, fil-ġimgħat li ġejjin se joħroġ tender fejn occupational therapists fil-privat ikunu jistgħu japplikaw biex jagħtu servizz lill-pazjenti ta’ Mater Dei u jħallas għalihom il-gvern. Spjega li l-occupational therapists li jaħdmu għall-gvern mhux se jkunu esklużi minn din l-iskema pero wieħed irid jifhem li biex jaraw pazjenti fil-privat, li mbagħad jitħalsu b’mod separat, iridu jkunu laħqu l-kwota tagħhom fix-xogħol governattiv.

Permezz ta’ din l-iskema se jintużaw riżorsi fl-occupational therapy li huma mhux biss governattivi biex pazjenti li qegħdin fil-lista ta’ stennija tad-dipartiment tas-saħħa, ikunu jistgħu jieħdu parti mis-servizz tagħhom mingħajr ħlas anke ġewwa kliniċi oħrajn li mhumiex ġewwa l-isptarijiet.

Dan ifisser li fl-occupational therapy, fi żmien qasir, ikunu jistgħu jnaqqsu l-ħin ta’ stennija u jgħinu kemm lit-tfal u lill-familji tagħhom billi jipprovdu dan is-servizz fi żmien relativament qasir. 

Fil-preżent fis-CDAU hemm 10 occupational therapists li jagħtu s-servizz full time u jirċievu madwar 1,000 każ ġdid.  

Fejn jidħol is-servizz tal-occupational therapy, Dr Fearne qal li kien hemm żewġ problemi – dik tal-Covid-19 pero kien hemm wkoll azzjoni industrijali mill-UHM li l-impatt ta’ dan kollu kienet żieda fil-waiting list.

Matul il-konferenza, id-Deputat Prim Ministru tkellem dwar l-impatt tal-pandemija fuq is-servizzi tas-saħħa u qal li matul dawn l-aħħar xhur dawk is-servizz ta’ saħħa f’pajjiżna li ġew affettwati qed jagħmlu irkupru tajjeb.

Bħala eżempju, huwa qal li fl-2019 kienu saru 3,100 smear test filwaqt li fl-2020, l-aktar sena li kienet milquta minn ċaqliq ta’ riżorsi minħabba l-pandemija, dawn naqsu għal 2,600. Il-ħidma kompliet tintensifika tant li s-sena li għada kemm għaddiet saħansitra saru aktar minn 4,300 smear test.

Aċċenna wkoll għall-breast screening fejn innota kif waqt il-pandemija l-mamograms niżlu għal 7,300, iżda s-sena li għaddiet spiċċajniha bi 13,500 mamogramm. 

Tkellem ukoll dwar is-servizz ta’ saħħa mentali fejn kien hemm żieda sinifikanti. Qal kif qabel il-pandemija kienu qed jaraw madwar 6,100 viżta fil-community mental health clinics.  Is-sena li għaddiet din telgħet għal 16,700. 

Tkellem dwar settur ieħor li huwa dak tal-MRI. Qal li fl-2019 il-ħin ta’ stennija għal MRI kien ta’ 157 ġurnata, pero hemmhekk ukoll beda servizz ta’ outsourcing wara li ħarġu tenders, u issa l-ħin ta’ stennija naqas għal 58 ġurnata. 

“Se nkunu qed naraw li l-ebda tifel jew tifla ma jaqgħu lura” – il-Ministru Farrugia Portelli

Min-naħa tagħha l-Ministru Julia Farrugia qalet ma jistax ikollok inklużjoni b’saħħitha jekk ikollok sitwazzjoni fejn dak li normalment kull ċittadin ikun intitolat għalih, għal xi raġuni jew oħra, dawk l-istess servizzi jkunu qed jiġu miċħuda. Fil-fatt, kif semma d-Deputat Prim Ministru, hija qalet li kien hemm sitwazzjoni kemm minħabba l-fatt li terapisti ma setgħux jiltaqgħu u joffru servizz b’mod fiżiku li kienu jagħmlu qabel u minħabba azzjonijiet industirjali li kienu għaddejin, kien hemm is-sitwazzjoni li 1,300 tifel u tifla spiċċaw jaqgħu lura fl-appuntamenti u allura kien hemm bżonn li jibgħatu messaġġ ċar li din is-sitwazzjoni kien jeħtieġ li tiġi indirizzata. 

Qalet li l-early intervention hija kruċjali ħafna meta jkollok it-tfal li jkun hemm suspett li jista’ jkollok kundizzjoni jew diżabilità partikolari għaliex huwa importanti li l-professjonisti jidentifikaw mill-aktar stadju bikri possibbli jekk ikun hemm dawn l-isfidi partikolari.

Tkellmet ukoll dwar il-fatt li permezz t’hekk l-occupational therapy tkun tista’ tingħata b’mod immedjat u b’hekk il-ġenituri jkunu jistgħu jibdew jaħdmu b’mod kollettiv fuq l-isfida li hemm quddiemhom. 

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li l-inklużjoni hija parti mill-vjaġġ  tal-individwu li rridu naraw li l-ebda tifel  jew tifla ma jaqgħu lura anke fis-sistema edukattiva u allura dan it-tip ta’ intervent fi stadju bikri se jgħin biex l-istudemti ma jaqgħux lura fejn għandhom bżonn terapiji partikolari.

Żiedet tgħid li temmen li din l-iskema se tkun qed tindirizza l-problema li kelna fl-aħħar xhur u li b’hekk se nkunu qed naraw li l-ebda tifel jew tifla ma jaqgħu lura. 

Ekonomija

Sport