Sunday, December 22, 2024

Skema oħra f’għajnuna lil NGOs f’Għawdex

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri għal sena oħra nieda l-NGO Assistance Scheme sabiex tkun sostnuta l-ħidma u l-operat tal-għaqdiet volontarji li huma bbażati f’Għawdex.

Il-Ministru spjega li din l-iskema, li hija amministrata mill-Ministeru għal Għawdex, hija intiża sabiex il-Ministeru, fost l-oħrajn, jassisti lill-għaqdiet volontarji li jkunu se jimplimentaw xi proġett, avveniment jew iwettqu xi inizjattiva b’risq il-komunità Għawdxija u biex isaħħaħ u jagħti sostenn lill-volontarjat f’Għawdex.

“Din is-sena qed nerġgħu nallokaw €120,000 għal din l-iskema. L-ammont massimu ta’ assistenza finanzjarja li tista’ tingħata għal kull proposta huwa ta’ €5,000. Din l-għajnuna hija sinjal ċar ieħor tal-fiduċja ta’ dan il-Gvern fil-ħidma volontarja f’Għawdex u fil-persuni li jsawru l-għaqdiet u li jaħdmu bla heda u mingħajr interessi,” tenna l-Ministru Camilleri.

Huwa qal li fis-snin preċedenti, il-fondi allokati kienu ta’ sostenn effettiv għas-settur tal-volontarjat sabiex il-ħidma ta’ dawn l-għaqdiet baqgħet għaddejja. Kompla li dan is-settur huwa kontinwament għaddej bil-ħidma tiegħu, speċjalment fl-oqsma ta’ servizzi u ta’ appoġġ fis-soċjetà, u tenna li l-Gvern jibqa’ kommess li jkompli jsostni lil dan is-settur.

Il-Ministru Clint Camilleri temm billi stieden lill-għaqdiet volontarji biex jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal din l-iskema, li se tiftaħ il-Ħamis 4 ta’ Mejju u tagħlaq l-Erbgħa 31 ta’ Mejju, 2023.

Ekonomija

Sport