L-għajnuna fis-settur tal-proprjetà biex aktar nies isiru sidien ta’ darhom jidher li qed tkompli tavvanza tant li issa din l-għajnuna ġiet estiża wkoll għar-rinovazzjoni tal-proprjetà bil-għan li tkun aktar sostenibbli u effiċjenti f’diversi oqsma fosthom l-enerġija.
B’hekk, l-iskema “Irrinova Darek” se tkun inċentiv li jgħin lis-sidien tad-djar sabiex l-investiment li jkunu għamlu fil-proprjetà tagħhom jkomplu jsostnuh u jagħmluh wieħed aktar ta’ kwalità. Din l-iskema hi parti mis-sensiela ta’ riformi li qed isiru f’oqsma differenti minn dan il-Gvern li l-għan ewlieni tagħhom hu li jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.
Din l-iskema hija ta’ min ifaħħarha. B’danakollu nifhmu li kien ikun aktar xieraq li l-iskema tkun mifruxa mill-ewwel mal-pajjiż kollu. Nafu wkoll iżda li kieku kellu jsir hekk, l-ispiża fuq il-finanzi tal-pajjiż kienet tkun waħda sostanzjali.
Skont l-Att dwar il-Kunsilli Lokali, matul is-snin li ġejjin, din l-iskema tkopri wkoll reġjuni oħra wara li issa ġiet estiża għar-residenti tar-Reġjun tat-Tramuntana. B’danakollu, hu mistenni li fi żmien ħames snin, l-iskema tkun estiża mal-pajjiż kollu sabiex kulħadd jingħata l-opportunità li jtejjeb ir-residenza tiegħu b’mod sostenibbli u responsabbli.
Kif inhi l-iskema bħalissa, l-inċentiv se jkun ta’ €15,000 f’għotja biex familja tkun tista’ tirrinova darha. Ikun tajjeb għalhekk li l-awtoritajiet konċernati joħorġu b’aktar linji ta’ gwida għall-familji dwar kif ikunu jistgħu jtejbu l-proprjetà tagħhom jekk japplikaw għal skemi bħal dawn.
Quddiem dan kollu, naqblu li l-miżuri soċjali li qed jintroduċi l-Gvern Laburista fil-qasam tad-djar qed jolqtu firxa wiesgħa ta’ nies minn kull faxxa tas-soċjetà. Din il-politika ta’ inċentiv għat-tisbiħ tal-propretajiet tikkumplimenta wkoll it-tisbiħ li qed isir fil-lokalitajiet b’mod partikolari f’ġonna u pjazez li jkunu aċċessibbli għan-nies u mhux għall-karozzi.