Friday, December 13, 2024

Skema ta’ €700,000 għall-festi Maltin u Għawdxin

Aqra wkoll

Il-każini tal-banda, l-assoċjazzjonijiet tal-armar u l-kmamar tan-nar se jkunu jistgħu jibbnenefikaw minn skema ta’ finanzjament li l-allokazzjoni għaliha matul din is-sena se tiżdied għal €700,000.

L-iskema “Ninvestu fil-Wirt Artistiku” se titmexxa mill-Kunsill Malti għall-Arti u hija miftuħa għall-organizzazzjonijiet volontarji li huma attivi fil-mużika tal-festa, fis-saħħa u s-sikurezza tal-kmamar tan-nar u fl-armar artistiku semi-permanenti.

B’kollox se jkun hemm żewġ sejħiet, waħda li se tagħlaq fis-16 ta’ Mejju li ġej u l-oħra tagħlaq fit-8 ta’ Ottubru. Kull organizzazzjoni tista’ tibbenefika darba biss matul din is-sena.

Soċjetajiet jew għaqdiet mużikali jistgħu jibbenefikaw sa massimu ta’ €8,000 filwaqt li kmamar tan-nar u assoċjazzjonjiet tal-armar jistgħu japplikaw għal massimu ta’ €5,000.

Organizzazzjonijiet volontarji li huma attivi f’aktar minn qasam wieħed għandhom iressqu applikazzjoni waħda li tkopri l-oqsma kollha. L-applikazzjoni tista’ titniżżel mis-sit artscouncil.mt.

Intant, nhar l-Erbgħa 28 ta’ Frar fis-6.00 p.m. se ssir sessjoni ta’ informazzjoni online fejn dawk kollha interessati fl-iskema huma mistiedna biex jirreġistraw.

Fil-kummenti tagħha, id-Direttur tal-Fondi u Strateġija fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti Mary Ann Cauchi qalet li din l-iskema ħolistika se tagħmilha eħfef għall-għaqdiet biex japplikaw skont l-attività indikata fl-istatut tagħhom.

“Il-Kunsill qed jimplimenta strateġija li tpoġġi lill-artisti u lill-prattikanti kollha fil-qalba tagħha, inkluż dawk li joperaw fl-oqsma tradizzjonali u tal-artiġjanat. Il-fondi għal din l-iskema ġew miżjuda sostanzjalment u se jolqtu dan is-settur b’mod pożittiv,” qalet Cauchi.

Min-naħa tagħha, il-Kap tal-Fondi fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti Rita Falzon qalet li dan l-iskema tirrappreżenta impenn komunitarju sinjifikanti sabiex inkomplu nikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ komunitajiet sostenibbli.

“Il-Kunsill Malti għall-Arti qed iniedi dan il-programm ta’ finanzjament sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u t-tħassib tas-settur filwaqt li nappoġġjaw ir-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni, attivitajiet kulturali tradizzjonali u inizjattivi simili. Permezz ta’ dawn il-fodni qed inkomplu nwessgħu l-espressjoni kulturali u artistika,” qalet Falzon.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici semma kif filwaqt li l-allokazzjoni għal din l-iskema kienet tkun ta’ nofs miljun ewro, issa se jingħataw €700,000, li tfisser żieda ta’ 45% fil-finanzjament għall-festi Maltin u Għawdxin.

“B’dawn il-fondi qed ngħinu lil kull festa li għandna f’pajjiżna. Irridu li l-festi jkomplu mexjin ‘il quddiem. M’għandix dubju li b’dan ix-xogħol se nagħmlu d-differenza u nagħtu kuraġġ lil ħafna li jaħdmu għal dawn il-festi u jagħmluhom possibbli,” qal il-Ministru Bonnici.

Ekonomija

Sport