Wednesday, April 24, 2024

Skiet dwar l-artijiet tal-Knisja

Aqra wkoll

Fil-21 ta’ Jannar li għadda f’din il-paġna kont ikkummentajt u għamilt mistoqsijiet lill-Arċisqof Charles Scicluna dwar l-artijiet tal-Knisja. Kont ikkummentajt wara li ħadt spunt minn intervista li l-Arċisqof kellu mal-ġurnal Times of Malta li matulha kien tratta, fost suġġetti oħrajn, l-artijiet tal-Knisja. Għamel dan wara li l-ġurnalist irrimarkalu li l-Knisja spiss tbiegħ artijiet lil negozjanti li mbagħad jiżviluppaw l-artijiet inkwistjoni b’regħba.

L-Arċisqof kien wieġeb li “il-Knisja mhux qed tagħmel in-negozju hi u jekk l-awtoritajiet responsabbli għall-ippjanar, sostenibbiltà u l-ambjent mhux qed jagħmlu xogħolhom biex jinżammu r-riedni tar-regħba, allura huma huma li għandhom jingħataw il-ħtija u mhux il-Knisja.”

Imma l-Arċisqof kien ħass li ma kellux jieqaf hemm bit-tweġiba tiegħu. Ġie kwotat li kompla jgħid “u xi ngħidu dwar l-art li għaddejna lill-Uffiċċju Konġunt għall-Akkomodazzjoni Soċjali? Il-Ministru jiftaħar kemm irid dwar ftuħ ta’ akkomodazzjonijiet soċjali ġodda, imma qatt ma jsemmgħu li l-Knisja għaddiet dik l-art lill-Gvern għal €1,000 t-tomna. Ipprova ixtri biċċa art b’dak il-prezz. Ħadd ma jsemmi li din kienet art tal-Knisja. Biex ma insemmix proprjetajiet li l-Knisja offriet kompletament b’xejn għal servizzi soċjali oħrajn.”

Dwar dawn l-aħħar rimarki fl-artiklu tiegħi tal-21 ta’ Jannar li għadda kont għamilt numru ta’ mistoqsijiet lill-Arċisqof li wħud minnhom se nirriprodiċihom anke llum.

Jista’ l-Arċisqof Scicluna jgħidilna kif ġew għand il-Knisja l-artijiet li rrefera għalihom u li għaddihom lill-Gvern bi prezz irħis?

Jista’ l-Arċisqof Scicluna jagħtina elenku ta’ kemm artijiet spiċċaw għand il-Knisja bi ‘tpartit’ ma’ sufraġju għal ruħ id-donatur/testatur u b’detriment għall-werrieta bioloġiċi tad-donatur/testatur?

Jista’ l-Arċisqof Scicluna jgħidilna jaqbilx li saru testmenti ta’ din ix-xorta minn wara dahar il-kumplament tal-familja tad-donatur/testatur?

Kont temmejt l-artiklu tiegħi hekk: Nistennew u naraw x’għandu xi jgħid dwar dan kollu l-Arċisqof Scicluna.

Minn dik il-kitba sal-lum għaddew xahrejn. U bqajna ma smajna xejn min-naħa tal-Arċisqof Scicluna. Min-naħa l-oħra nifhem li jista’ jkun li l-Arċisqof jeħtieġ aktar żmien biex issir riċerka dwar testmenti tax-xorta tagħhom li rreferejtu għalihom. Nistenna bil-qalb kollha, għalkemm xorta waħda jistgħu jgħidulna li dan ix-xogħol qed isir jew se jibda jsir. Hemm ukoll il-possibiltà li ġie deċiż li mistoqsijiet bħal dawn ikunu injorati.

F’idejn l-Arċisqof is-sitwazzjoni. Jagħmel hu. Imma ma jfissirx li minn żmien għal żmien ma tinġibidlux l-attenzjoni għalihom.

[email protected]

Naġġornak dwar Pawlu Borg Olivier

Fil-15 ta’ Lulju 2014 l-Avukat Wenzu Mintoff kien inħatar Imħallef. Fost ir-reazzjonijiet li kien hemm għal din il-ħatra kien hemm dik tal-Avukat Pawlu Borg Olivier, eks-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.

Pawlu Borg Olivier kien ġie rappurtat li qal, u li safejn naf jien qatt ma ċaħad, li hu ma kienx lest iservi f’kawżi li jkun qiegħed jisma’ l-Imħallef Mintoff, sempliċiment għax dan kien għamel żmien jimmilita, jokkupa karigi fi ħdan il-Partit Laburista u anke kien Deputat Parlamentari Laburista.

Bqajt insegwi l-attitudni ta’ Pawlu Borg Olivier. Ktibt dwarha fil-ġurnal L-ORIZZONT tal-Ħamis, 24 ta’ Novembru 2016. Erġajt ktibt dwarha f’din il-paġna l-Ħadd, 22 ta’ Ottubru 2023 u l-Ħadd, 4 ta’ Frar li għadda. Kont temmejt kitbieti hekk: Għandi kurżità dwar din l-attitudni ta’ Pawlu Borg Olivier. Għadu deċiż li ma jservix f’kawżi preseduti mill-Imħallef Wenzu Mintoff? Jista’ Pawlu Borg Olivier jgħidilna kemm-il okkażjoni kellu fejn irrifjuta li jservi f’kawżi bħal dawn? Jista’ jgħidilna għandux fiduċja fl-integrità tal-Imħallef Wenzu Mintoff?

Sakemm kont qed inħejji din il-kitba Pawlu Borg Olivier baqa’ ma sabx ħin iwieġeb għal dawn il-mistoqsijiet. Ma jimpurtax. Nibqa’ ngħinu jiftakar billi minn żmien għal żmien nerġa’ infakkru fihom.

Meta se jibda jaħdem il-lift?

Il-proġett tal-flyovers ta’ qrib l-ajruport issa huwa lest. Proġett li għen mhux ftit biex jitħaffef it-traffiku qawwi li jgħaddi minn hemm. Kien ħsieb tajjeb ħafna li sar il-pont li hemm f’parti minn dan il-proġett li jservi biex ħaddiema ta’ Infrastructure Malta, studenti tal-ITS u suldati fost oħrajn jaqsmu min-naħa għall-oħra mingħajr ebda periklu. Kien ħsieb tajjeb ħafna wkoll li saru żewġ ‘bus stops’, wieħed fuq kull naħa tat-triq eżattament ma’ dan il-pont, u allura kull min juża t-trasport pubbliku m’għandu ebda diffikultà.

Li ma nistax nifhem, u bilfors hemm xi raġuni goffa, huwa għala ż-żewġ liftijiet, wieħed fuq kull naħa tal-pont, ma jaħdmux. U ilhom hekk żmien sostanzjalment twil. Jista’ min hu responsabbli jitfa’ dawl fuq din il-problema? Għax hija ħasra li faċilità bħal din, li tassigura mija fil-mija li ebda persuna ma tista’ tkun f’periklu mit-traffiku, mhux qed tintuża fil-massimu tagħha.

Sport