Friday, November 15, 2024

“Skont il-liġi kull uffiċjal tas-sigurtà jrid ikollu liċenzja maħruġa mill-Pulizija”

Il-każ f’Paceville li qajjem furur… filmati fuq il-midja soċjali wrew persuna mal-art tissawwat minn uffiċjali tas-sigurtà

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-każ ta’ persuna li nħarġet minn stabbiliment f’Paceville fejn f’filmati li ċċirkolaw fuq il-midja soċjali deher raġel mal-art jaqla’ daqqiet minn numru ta’ uffiċjali tas-sigurtà, qajjem furur. Ħafna staqsew x’sigurtà hemm għall-pubbliku li jkun f’din iż-żona, x’tip ta’ uffiċjali ta’ sigurtà hemm impjegati fl-istabbilimenti, kif ukoll xi rwol għandha l-Pulizija f’dan kollu.

Fir-rigward, il-kelliem tal-Korp tal-Pulizija qal lil dan is-sit li, “skont il-liġi, kull uffiċjal tas-sigurtà jrid ikollu liċenzja maħruġa mill-Pulizija. Il-liċenzji jingħataw wara proċess ta’ due diligence u jekk il-persuna inkwistjoni kinitx xi darba kkundannata mill-Qrati Maltin dwar każijiet passati. Meta persuna tkun barranija jsir aktar due diligence li jinkludi verifiki ma’ awtoritajiet lokali u barranin, li tinkludi wkoll jekk il-persuna kelliex passat fejn xellfet difrejha mal-ġustizzja f’pajjiż ieħor”.

Il-preżenza tal-Pulizija tiżdied fi tmiem il-ġimgħa

Huwa qal li ta’ kuljum il-Pulizija jkollha preżenza f’Paceville, liema preżenza tiżdied fi tmiem il-ġimgħa meta l-attendenza f’dan il-post tkun aktar minn matul il-ġimgħa.

Żied li, “tajjeb wieħed jinnota li f’din iż-żona inkwistjoni, il-Korp tal-Pulizija fl-aħħar żmien alloka aktar riżorsi, kif ukoll qiegħed jopera b’mod imsejjaħ ‘intelligence-led policing’. Fil-fatt skond l-aħħar rapport annwali tal-kriminalità ppublikat in-numru ta’ każijiet ta’ ferimenti f’San Ġiljan fejn dan kien l-inqas irreġistrat fl-aħħar 25 sena, jekk wieħed jeskludi s-snin 2020 u 2021, li fihom kellna l-pandemija”.

Rigward dettalji dwar il-każ partikolari, il-Korp infurmana li fil-Qorti tressqu numru ta’ persuni u issa li l-każ jinsab sub-judice. Għaldaqstant, kull informazzjoni relatata ma’ dan il-każ se tingħata fil-proċeduri li għaddejjin fil-Qorti.

Ekonomija

Sport