Thursday, December 26, 2024

SKONTIJIET

Aqra wkoll

Dil-biċċa forsi mhux kulħadd se jifhimha. Fi Franza b’liġi, is-supermarkets il-kbar kellhom iwaqqfu ir-roħs tassew sostanzjali li kienu qed joffru fuq ċerti prodotti bħal tat-tindif u tal-ħasil tal-ħwejjeġ imma wkoll tal-ikel. Qabel daħlet fis-seħħ il-liġi, f’mewġa kbira ix- xerrejja marru malajr biex jilħqu l-offerti.

Sadattant ftit qam tgergir kontra din il-miżura. Ittieħdet biex tipproteġi lin-negozjanti ż-żgħar bil-ħwienet tagħhom li bl-ebda mod ma setgħu jikkompetu mal-prezzijiet tas-supermarkets. Donnu kien hemm qbil li mhijiex ħaġa tajba li dawn il-ħwienet ikollhom jagħlqu.

Għax hekk qed jiġri bid-dominanza li kisbu s-supermarkets il-kbar. Għalkemm il-ħwienet iż-żgħar bilfors ikollhom jiċċarġjaw prezzijiet ogħla għal dak li jbigħu, il-preżenza tagħhom qrib fejn jgħixu l-konsumaturi għandha l-valur tagħha fil-ħajja tal-komunità. M’għandhomx jitħallew jinqerdu kollha. Dak jidher li kien il-verdett ġenerali. Kemm u kif jgħodd għal pajjiżna?

IL-BELT

Għal min bħali jaf il-belt Valletta fi żminijiet oħra, il-bidliet li seħħew ġo fiha matul is-snin huma tal-għaġeb. Ħafna minnhom kienu għall-aħjar. Oħrajn huma diskutibbli. M’hemm xejn ħażin filli nsemmu uħud minn tal-aħħar.

Il-Belt saret kummerċjalizzata wisq u tilfet mill-karattru tagħha. Ħaġa ovvja li kellha timmodernizza ruħha, imma anke l-aktar belt turistika trid iżżomm is-sens li fiha jgħixu nies-ċittadini u b’mod permanenti, mhux biss turisti…

Il-ħwienet donnhom kollha saru l-istess, fil-maġġor parti jew tal-ħwejjeġ jew tal-ikel u x-xorb; dawk li kienu awtentikament “Maltin” jinsabu magħluqa jistennew min se jiftaħhom bħala post li mhux se jintgħaraf mill-bqija…

M’hemm xejn ħażin f’li jkun hemm geġwiġija f’belt; ħażin meta l-geġwiġija tissarraf fi storbju ma jaqta’ xejn, anke jekk fl-antik, skont Lord Byron, il-Belt kienet taħlita ta’ irwejjaħ, qniepen u għajjat…

PJAZZEZ

Ma fhimtx sew għaliex ix-xogħol li sar ftit ilu fil-pjazza ta’ Raħal il-Ġdid kellu jerġa’ jinqala’. Il-blatiet li ntużaw għall-kisi tal-art tneħħa u nbidel bit-tarmakk. Hekk ġara żmien ilu fil-pjazza ta’ quddiem il-knisja ta’ Santa Maria f’B’Kara, li kienet infetħet b’pompa mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi. Għamlet is-snin wara tissewwa kull sitt xhur għax bit-traffiku li jgħaddi, l-blatiet kienu jinqalgħu regolarment. Sakemm spiċċaw bidluh bit-tarmakk.

It-tagħlima messha ttieħdet. Jew ma nafux niksu l-art tajjeb bil-blat, jew dan għandu limitu ta’ kemm jistgħu jgħaddu karozzi minn fuqu. Jekk tal-ewwel, nitgħallmu npoġġu l-kisi, inkella ma nagħmlu xejn. Jekk tat-tieni, niżguraw li jinżamm il-limitu dwar x’inġenji jistgħu jsuqu minn fuq il-kisi ta’ blat.

Li tpoġġi l-blatiet biex imbagħad wara taqlagħhom meta messek taf x’se jiġri, jammonta biss ħala traskurat ta’ riżorsi li jħallas għalih iċ-ċittadin.

Ekonomija

Sport