Sunday, December 22, 2024

“Skoprejt li kont qed niġġieled bi ħsara f’moħħi li setgħet tħallini mejjet fir-ring”

Eks boxer jisħaq dwar il-bżonn ta’ testijiet lokali li jissalvagwardjaw is-saħħa tal-atleti

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar ġimgħat dan talk.mt tkellem mal-President elett tal-Assoċjazzjoni tal-Boxing Maltija (MBA) Marc James rigward il-mewt tal-boxer Afrikan Simiso Buthelezi u qalilna li dak li seħħ kien minħabba nuqqas ta’ standards fil-pajjiż. Marc saħaq li b’aktar studji dwar din il-kundizzjoni tal-Chronic Traumatic Encephalopathy (CTE), it-tobba u l-professuri jistgħu jiggwidaw l-assoċjazzjonijiet biex fuq livell internazzjonali jbiddlu l-istandards tagħhom.

B’reazzjoni għal dik l-intervista, dan is-sit kien avviċinat minn Duncan Calleja, eks boxer li dejjem iġġieled taħt il-kappa tal-MBA iżda li minħabba ħsara permanenti fil-moħħ kellu jtemm il-karriera tiegħu ħesrem.

“Ma naffordjax li nħallas għat-testijiet minn buti”

“Kien xokk qawwi meta ngħatajt l-aħbar li kelli ħsara fil-moħħ. It-testijiet li għamilt dak iż-żmien kienu €4,000 u t-testijiet li jsegwu kienu €150 li jsiru kull ġimagħtejn u dawn għadni sal-lum ma naffordjahomx. Kulma nagħmel huma MRI’s kull sentejn Mater Dei li mindu bdiet il-Covid ma mortx, iġifieri ilni tliet snin issa u jekk gravajtx jew le għadni ma nafx.” Hekk beda biex jgħid magħna Calleja filwaqt li esprima d-diżappunt tiegħu li wara li ġġieled għall-assoċjazzjoni, allegatament safa abbandunat minnha daqslikieku qatt ma kien jiġġieled.

“Mit-testijiet irriżulta li kont qed niġġieled bi ħsara ta’ 5 fil-mija f’moħħi”

Calleja qalilna li mindu kien żgħir kien iħobb l-emozzjoni tal-ġlieda u minkejja li pprattika sport ieħor qabel, il-boxing kien seraqlu qalbu. Spjegalna li wara ftit xhur li beda jipprattika dan l-isport hawn Malta, kellu l-ewwel ġlieda, rebaħha, baqa’ sejjer tajjeb u spiċċa ma sabx avversarji minħabba li dak iż-żmien l-isport ma kienx daqstant popolari f’pajjiżna. Qalilna wkoll li minkejja li beda mil-livell ta’ amateur. Iġġieled darbtejn ma’ Maltin u rebaħ iż-żewġ ġlidiet b’livell għoli fejn ħareġ mir-ring mingħajr ma’ kważi kien qala’ daqqa waħda. Minn hemm kompla jtejjeb il-livell tiegħu u kellu l-opportunità biex anke jiġġieled barra minn Malta. Għal ġlieda partikolari ntalab ċertu testijiet mediċi li f’pajjiżna ma kinux isiru. 

Ċertifikat mediku li jikkonferma l-ħsara fil-moħħ

Minn dawk it-testijiet irriżulta li l-boxer Malti kellu problemi f’rasu. Huwa kien qiegħed isofri minn ħsara fil-moħħ li tammonta għal 5 fil-mija. Spjegalna li t-tobba kienu qalulu li kien ilu jiġġieled f’riskju ta’ riperkussjonijiet kbar għax ħsara ta’ aktar minn 1 fil-mija hija wkoll perikoluża. Minkejja li l-assoċjazzjoni kienet bagħtitu biex jagħmel dawn it-testijiet u wegħdet li kienet li se tħallas lill-boxer ladarba jinħarġu r-riżultati, meta din skopriet li Calleja kellu problemi f’rasu jgħidilna li saret kważi impossibbli li jaqbadhom.

“M’għandux ikun li jkun hemm diskrepanza kbira fil-piż”

Rigward l-aktar każ riċenti tal-mewt ta’ Buthelezi, Calleja tkellem dwar l-aħbarijiet madwar id-dinja rigward boxers madwar id-dinja li minħabba nuqqas ta’ testijiet jew standards. Sostna li hawn Malta l-boxers jiġġieldu kontra avversarji li huma ta’ piż differenti li m’għandux ikun. Spjega wkoll dwar il-fiżika wara d-daqqiet u l-fatt li dawn jiġu kkalkulati skont il-piż u l-veloċità tal-ġellied. Kien hemm każi fejn Calleja kellu jiġġieled ma’ ġellied li huwa 12-il Kilo itqal minnu b’riskju akbar minħabba dawn il-kalkoli xjentifiċi. “Fil-bidu meta bdejt kont ngħid u iva mhux daqsxejn itqal, imma mbagħad tibda tinduna kemm hi aktar diffiċli u tiskopri dwar il-ħsara li tista’ ssofri. Dan biss biss jekk jintelaq fuqek u jkollu 12-il Kilo iktar tkun qiegħed iġġorr il-piż tiegħek u 12-il kilo żejda magħhom”, tenna l-eks boxer.

“Tlift il-ħolma li kelli u l-assoċjazzjoni injorat kollox”

Problema oħra hija li l-assoċjazzjoni ma ħarsitx is-sitwazzjoni mentali tal-eks boxer. Calleja kien iffukat biex jiġġieled u għalih il-boxing kellu jsir l-għajxien tiegħu. Għamel aktar minn erba’ snin ta’ taħriġ intensiv fejn kien hemm żmien fejn kien jagħmel sigħat twal ta’ taħriġ, sagrifiċċji kbar biex iqum jiġri u ma kienx imiss alkoħol fost affarijiet oħra. “Jien kien ikolli tieġ jew party, kont immur u nixrob l-ilma”, qalilna Calleja.

Ritratt: Roderick Photography

Bħal kull sport ieħor, l-atleta meta jiskopri t-tmiem tal-karriera tiegħu, jbati minn xokk qawwi u għandha tkun osservata s-saħħa mentali tiegħu. Sostna li sippost l-assoċjazzjoni għandha tħares l-istat mentali ta’ boxers li jispiċċaw f’din is-sitwazzjoni. Fl-ewwel sitt xhur minn wara li rċieva t-telefonata biex ma jitlax fuq l-ajruplan, Calleja kien żdied minn 70 Kilo għal 95 Kilo għax lanqas ried jersaq lejn il-gym.

“Kont nidher ikrah f’sitwazzjonijiet ta’ ġlied li jien kont naħrabhom” 

Xtaq jikkjarifika dwar id-distinzjoni bejn ġlieda fir-ring u ġlieda li tiżvolġi f’kaos. Huwa spjega li fi ġlieda barra m’hemm l-ebda livell ta’ talent. “Għalija li tiġġieled billi ddaħħal is-swaba’ fl-għajnejn jew li twaddab li jiġi għal idejk mhux ġlieda. Fir-ring għandek l-arti li tistudja l-avversarju tiegħek, il-moviment ta’ saqajk, kif timxi, il-modi u l-kumbinazzjonijiet differenti biex tattakka jew tiddefendi… xi ħaġa li ma tistax tiddeskriviha”, spjega Calleja.

Ritratt: A. Bonnici

Sfortunatament hawn boxers u eks boxers li jbatu preġudizzji minn mentalità antika li skont Calleja jeħtieġ li tinbidel. Qal li hemm bżonn li l-pubbliku jifhem li għal atleta professjonali huwa bħal diżunur li jkun involut f’dawn l-argumenti. Ma setax jonqos li jirrakontalna dwar każ partikolari fejn waqt li kien ma sħabu f’Paceville spiċċa mbuttat minn persuna li qaltlu li kien għamel imħatra ma’ sħabu li jniżżlu għax qalulu li hu boxer. Ovjament minkejja li ħassu pjuttost umiljat u anke l-fatt li jista’ jiġi interpretat bħala beżżiegħ, Calleja qallu bil-kelma t-tajba biex imur ikompli ma’ sħabu u jħallih fil-paċi, anke jekk kellu jagħmel dan b’ċertu insistenza ovjament għax il-persuna l-oħra kienet ħadet xi alkaħol meta hu kien qiegħed hemm jixrob l-ilma.

“Nemmen li ladarba hemm il-ħsara diffiċli tkompli”

Staqsejna lil Calleja rigward il-possibbiltà li jkompli bħala coach. Huwa qalilna li kien hemm żmien iva li kien avviċinat biex ikompli f’dan l-isport bħala coach. Qalilna li ma kinitx faċli għax il-fatt li tara r-ring u ma tistax tiġġieled fih hija xi ħaġa iebsa wisq biex tniżżilha meta tkun daħħalt f’rasek li inti se tibni karriera u tati kollox għall-isport. Madanakollu huwa tkellem dwar tfal li minn etajiet żgħar qegħdin juru kapaċitajiet iżda li sfortunatament xi kultant jintilfu għax tikbrilhom rashom. 

Qalilna li meta kellu grupp partikolari ta’ żgħażagħ bejn is-16 u t-18-il sena kien innota li l-livell f’pajjiżna kien qabad jiżdied iżda li ftit huma dawk li lesti li jagħtu kollox għall-isport. Qalilna dwar żagħżugħ partikolari li kien iħarreġ. Dan kien sejjer tajjeb, iżda li meta beda jinnota li qiegħed aħjar minn sħabu, minflok baqa’ jiffoka beda jidħol fir-ring qisu xejn mhu xejn. “Wissejtu li jekk se jtejjeb il-livell kien se jiġi fir-ring ma xi ħadd dedikat u se jispiċċa ħażin. Biex nagħmel dan kelli nidħol miegħu fir-ring. Ovjament kif bdejt nsibu għad-daqqiet jien kont se nurih li qed jiżbalja, iżda xorta jista’ jibqa’ l-fatt li jaħsadni b’daqqa, joħodni fil-punt fejn hemm il-ħsara u nitlef kollox”, kompla biex jgħidilna Calleja dwar il-possibbiltà li jindarab serjament waqt sezzjonijiet ta’ taħriġ. Sostna li coach tajjeb ma jistax jgħallem lil xi ħadd jekk ma jidħolx miegħu fir-ring. 

Ritratt: Chris Mifsud

Rigward il-possibbiltà ta’ lbies protettiv, Calleja qalilna li boxer fi ġlieda jaqla’ medja ta’ 500 daqqa ta’ ponn u l-ħsara fil-moħħ issir skont kif il-moħħ jkun qiegħed jiċċalaq u jaħbat mal-iskeletru tar-ras. Tant hu hekk li Calleja li għamel 20 sena jiġġieled qatt ma spiċċa b’knock down jew imniżżel fuq il-canvas, iżda l-ħsara hemm tkun u hawnhekk huwa appella biex l-atleti jagħmlu sforz fuq l-assoċjazzjonijiet rispettivi biex isiru t-testijiet neċessarji. Mhix raġuni valida li tgħid li għax dejjem rebbieħ ifisser li m’hemmx ħsara fil-moħħ.

“Boxer li niżżilt b’knock out fl-Ingilterra qala’ $3,000, jien li niżżiltu ħriġt €400”

L-eks boxer tkellem ukoll dwar ġlieda partikolari li kellu l-Ingilterra. Kien tela’ l-Ingilterra biex jiġġieled ma’ ġellied li huwa impjegat full time. Calleja kien għeleb lil dan il-ġellied b’knock out, iżda f’pajjiżna kien intalab il-flus biex tixxandar l-aħbar. Huwa qalilna li dak iż-żmien kien għamel l-enfasi mal-coach tiegħu biex ma jagħmilx dan għax hu qatt ma kien ifittex il-fama. 

Ħaġa oħra hija l-ħlas. Il-ġellieda Maltin ma jingħatawx flus. Il-pagament tal-boxers Maltin huma biljetti tal-ġlieda. Hawnhekk huwa esprima d-diżappunt tiegħu għall-fatt kif bniedem li jagħmel tant taħriġ jitħallas b’ċuċata ta’ biljetti li jqassam lill-qraba. Qalilna li f’dan il-każ tal-Ingilterra kien skopra li l-boxer tellief li spiċċa l-ġlieda b’knock out kien qala’ $3,000 meta hu bħala atleta Malti kien ħareġ mal-€400 minn butu.

“Nappella lill-ġenituri jieħdu ħsieb lil uliedhom”

L-eks boxer għalaq l-intervista billi qalilna li għalih li jitkellem jemmen li jista’ jgħin lil żgħażagħ oħra li bla ma jafu qegħdin jirrikorru għal ċertu riskji. “Għalija li ġejt hawn u tkellimt nemmen li nista’ ninstema’ minn dak il-ġenitur partikolari li jdaħħal f’rasu li biex ibnu jiġġieled, jitlob li l-assoċjazzjoni tħares l-interessi tiegħu. Huwa kruċjali li ssir pressjoni li l-ebda ħajja ma tittieħed forgranted għax mingħajr testijiet u titjib fil-linji gwida tal-MBA, f’pajjiżna qed nirriskjaw li nżidu mal-aħbarijiet koroh li qegħdin nisimgħu barra minn pajjiżna”, temm Calleja.

Ekonomija

Sport