Wednesday, July 24, 2024

Sliema Wanderers jirbħu d-derby kontra Gzira United

Aqra wkoll

Sliema Wanderers ….1

Gzira United …………..0

F‘partita emozzjonanti li ntlagħbet quddiem folla sabiħa, Sliema Wanderers ħallew għall-aħħar biex b’mod meritat għelbu lill-ġirien Gzira United bl-iskor minimu ta’ 1-0, bil-goal jasal mill-BOV Player tal-Logħba, Mohamed Awad, żewġ minuti mit-tmiem.

Kienu Gzira li ħarġu fuq l-offensiva u wara biss tliet minuti, free-kick ta’ Jose Luis Teixiera mil-lemin spiċċa għoli.

 Sliema wieġbu fit-22 minuta peremzz ta’ daqqa ta’ ras ta’ Vito Plut li wkoll spiċċat fuq il-lasti. Huma komplew jippressaw u fit-38 minuta, xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa ta’ Samuel Gomes Da Mata, għadda ftit barra.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Sliema komplew bl-istess ritmu u fil-51 minuta Mohamed Awad ittanta xortih permezz ta’ xutt mid-distanza li ġie salvat f’żewġ tentattivi mill-goalkeeper, Darijan Zarkov.

Huma komplew fuq l-offensiva u fil-65 minuta, Joseph Minala kellu free-kick insidjuż salvat bi bravura minn Zarkov, biex mir-rebound Myles Beermna kellu t-tentattiv tiegħu mill-viċin imdawwar f’corner mill-istess Zarkov.

Fis-77 minuta, Sliema ipprotestaw għal penalty meta s-sostitut Karim Abubakar  deher jitwaqqa’ fil-kaxxa minn Farid Romero Zuniga, iżda r-referee, Glen Tonna, ħalla l-logħob għaddej.

Il-Wanderers komplew jiddominaw u fil-85 minuta, Samel Gomes da Mata dar tajjeb ma’ żewġ difensuri avversarji, qabel venven xutt angolat u b’saħħtu kważi minn tarf il-kaxxa li għadda ftit għoli.

Bl-aktar mod meritat, fit-88 minuta, is-Slimiżi skorjaw il-goal tar-rebħa meta wara taħwida fil-kaxxa, il-ballun wasal għand MOHAMED AWAD, li venven xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa li ma ta l-ebda ċans lil Zarkov, bil-ballun jintemm fir-rokna tax-xibka.

Fil-veritá ma kienx fadal ħin biex il-Maroons setgħu jsalvaw ir-riżultat.

SLIEMA W.: 22-Rashed Al Tumi, 2-Jean Borg, 6-Joseph Marie Minala, 9-Vito Plut (7-Jake Engerer 72), 11-Myles Beerman, 15-Gustavo Alcino, 18-Edmond Agius (55-Israel Dos Santos 91), 20-Denis Koaou (99-Karim Abubakar 72), 31-Henrique Freire, 39-Samuel Gomes Da Mata (10-Aidan Jake Friggieri 84), 77-Mohamed Awad (21-Neil Frendo 91)   – Coach: Paul Zammit

GZIRA U.: 30-Darijan Zarkov, 2-Carlos Filho Conceicao (21-Ryan Essaka 91), 3-Gabriel Bohrer Mentz, 6-Bilario Azizi (98-Jackson Mendoza 46), 7-Thaylor Aldama, 8-Za­chary Scerri, 9-Marcelo Dias (4-Andrew Borg 63), 11-Lucas Macula, 20-Farid Romero Zuniga, 47-Brooklyn Borg, 74-Jose Wilkson Teixeira (19-Adama Sane 63)  – Coach: Darren Abdilla

REFEREE: Glen Tonna

ASS. REFEREES: Mitchell Scerri, Shaun Calleja

RABA’ UFF: Slawomir Olucha

SKORER: M. Awad 88 (SW)

AMMONITI: H. Freire, N. Frendo (SW), C. Conceicao Filho, B. Azizi, G. Bohrer Mentz (GU)

Ekonomija

Sport