Alex Borg rebaħ l-ewwel unur maġġuri tal-Malta Billiards & Snooker Association għal dan l-istaġun. F’din il-finali, li ntlagħbet fuq l-aħjar minn disa’ frames, Borg għeleb liċ-champion renjanti Aaron Busuttil, 5-3.
Borg fetaħ vantaġġ nett ta’ 3-0 fl-ewwel parti tal-konfront għalkemm fit-tieni frame Busuttil falla l-aħħar boċċa sewda u naqqas milli jikseb il-parita’. Busuttil naqqas id-distakk fir-raba’ frame u fil-ħames frames huwa kellu vantaġġ ta’ 50 punt iżda kien ftit sfortunat li mar telfa fuq ħamra iżda wara ftit reġa ta’ ċans lil Borg biex jirkupra li żvantaġġ ta’ punti u b’mini break ta’ 46 punt ikklerja l-medja u rebaħ dan il-frame. Wara li Busuttil deher li rega’ daħal fil-logħba meta naqqas id-distakk għal 3-4, huwa seta’ jisforza anke’ għal frame deċiżiv iżda falla roża meta kien jonqos ħamra waħda biex ta’ opportunita tad-deheb lill-avversarju. Il-veteran Borg ma falliex u għalaq il-partita biex kiseb l-ewwel titlu tal-istagun.
Aktar kmieni fil-gimgħa Aaron Busuttil fis-semi finali rebaħ kontra Brian Cini 4-2 filwaqt li Alex Borg ikkwalifika wara li għeleb lil Chris Peplow 4-3.
Wara din il-finali, Ivan Brincat, il-President tal-Malta Billiards & Snooker Association li fil-gimgħat li għaddew, waqt il-laqgħa generali tal-Assoċjazzjoni reġa ġie kkonfermat biex imexxi dan l-isport għas-sentejn li ġejjin għamel il-preżentazzjoni lir-rebbieħ, Alex Borg.
It-Tnejn, 2 t’Ottubru 2023, jibda il-kampjonat il-ġdid fejn fl-erba’ diviżjonijiet bejn il-Klassi Premier u t-Tielet Diviżjoni ser jieħdu sehem 78 player. Għoxrin minnhom fl-ogħla kategorija, dik Premier.