Monday, December 23, 2024

Snooker: Iranjan Hossein Vafaei jidħol fl-istorja meta jirbaħ l-ewwel ranking tournament

Aqra wkoll

Hossein Vafaei daħal fl-istorja meta nhar il-Ħadd filgħaxija sar l-ewwel player Iranjan li rebaħ titlu ranking meta fil-finali tax-Shoot Out li ntlagħbet f’Leicester għeleb lil Mark Williams.

Kien Williams li fetaħ il-logħba, iżda n-numru 42 tad-dinja, Vafaei, ippottja ħamra eċċellenti mit-tul u kompla jagħmel break mill-isbaħ ta’ 71. Imbagħad falla ħamra delikata, iżda b’67 punt biss fuq il-mejda, Williams kien diġà neħħa l-flokk u mar jeħodlu b’idu.

Għaxar snin ilu, Vafaei sar l-ewwel player Iranjan li kkompeta fit-tour prinċipali, u issa kiseb triq ġdida billi rebaħ titlu professjonali. L-Iran isir l-14-il pajjiż li pproduċa rebbieħ ta’ tournament ranking.

Vafaei, imlaqqam il-Prinċep tal-Persja, jittama li s-suċċess tiegħu jispira ġeneraz­zjoni ġdida ta’ dilettanti tas-snooker f’art twelidu.

Il-player ta’ 27 sena qabel kien wasal sas-semi-finali ta’ tliet avvenimenti ranking, fejn tilef kontra Williams fi tnejn minn dawk l-okkażjonijiet, iżda din id-darba ma setax jitwaqqaf. 

Bla dubju huwa lagħab l-aqwa snooker ta’ dan l-avveniment uniku, li fih il-partiti kollha huma kontestati fuq frame wieħed. Huwa għamel l-ogħla break tal-kampjonat, 123, kif ukoll tliet breaks oħra fuq 50, inkluż 54 kruċjali fis-semi-finali hekk kif daħal minn 48-0 minn taħt biex għeleb lil Liang Wenbo.

Iċ-ċekk tar-rebbieħ ta’ £50,000 flimkien mal-premju ta’ £5,000 għall-ogħla break jagħtuh l-akbar jum ta’ ħlas tal-karriera tiegħu s’issa. 

Issa jidher ukoll li se jikkwalifika għall-UK Championship tax-xahar id-dieħel u potenzjalment f’dak taċ-Champion of Champions aktar tard din is-sena. Vafaei qabeż 19-il post għat-23 wieħed fir-rankings tad-dinja.

Vafaei, li matul l-istaġun huwa bbażat f’Darlington, qal: “Hija kisba daqshekk kbira għalija, hija ħolma li saret realtà. Il-players żgħażagħ kollha fl-Iran se jaraw x’inhu possibbli. Ħdimt ħafna għal dan. Kulħadd madwari jaf kemm naħdem iebes għat-tournamets. Dan l-istaġun għelibt xi players tajbin u dan għeni nemmen li nista’ nagħmel xi ħaġa f’din il-logħba. Min jaf kemm nista’ mmur issa …

“Meta wasalt għal dan l-avveniment kważi ħriġt minnu għax mietet in-nanna. Domt nibki għal siegħa għan-nanna tiegħi. Ommi u kulħadd fil-familja tiegħi kienu qed jibku. Iddeċidejt li nilgħab iżda ma kienx jimpurtani li nirbaħ jew nitlef. Ġietni enerġija, ma nafx kif nispjegaha, u lgħabt meraviljuż. Kienet aħbar ta’ dieqa ħafna għalija iżda kulħadd qalli biex nirbaħha għan-nanna tiegħi, ridt nagħmel hekk … u hekk għamilt,” tenna Vafaei.

Ekonomija

Sport