Saturday, December 21, 2024

Snooker: Malta tospita l-International Challenge Cup u tirbaħ l-ewwel żewġ logħbiet

Aqra wkoll

Il-Gimgħa, fl-Akkademja tas-Snooker fil-Hamrun, il-Malta Billiards & Snooker Assocaition bl-għajnuna ta’ SportMalta qed torganizza l-International Challenge Cup bejn ħames pajjiżi li huma Franza, l-Irlanda ta’ Fuq, ir-Repubblika Irlandiża, l-Iskozja u naturalment Malta.

F’din il-kompetizzjoni li ser issir fuq tliet t’ijiem kull pajjiż jrid jilgħab kontra xulxin u f’partita waħda kull player jilgħab tliet frames u kull logħba hija komposta minn 27 frames. B’kollox jintlagħbu erba’ logħbiet mill-kategorija tal-irġiel, erba’ logħbiet masters u waħda juniors. Player jista’ jieħu sehem f’aktar minn kategorija waħda.

It-tim Malta huwa ffurmat minn Brian Cini, Alex Borg, Isaac Borg, Joseph Casha fil-kategorija tal-irġiel, Philip Ciantar, Arthur Cachia, Frans Mintoff u David Zammit fil-kategorija tal-Masters filwaqt li Xavier Rizzo qed jilgħab fil-kategorija tal-Juniors. Il-captain tat-tim Malti huwa Ivan Attard.

Fl-ewwel jum ta’ kompetizzjoni kull pajjiż lagħab żewġ logħbiet u Malta lagħbet kontra r-rebbieħa tal-aħħar edizzjoni l-Iskozja u aktar tard kontra r-Repubblika Irlandiża fejn rebħet iż-żewġ logħbiet. Il-Ħadd il-pajjiż rebbieħ tal-International Challenge Cup ikun dak it-tim li jirbaħ l-akbar ammont ta’ frames għal fatt li kull frame jiswa punt.

Kontra l-Iskozja, fil-kategorija tal-irġiel, Brian Cini, Alex Borg u Isaac Borg rebħu l-logħbiet tagħhom 3-0 kontra Keith Chamlers, Roger Singh u Craig Barber rispettivament filwaqt li Joseph Casha tilef, 3-0, kontra Craig MacGillivray. Fil-kategorija tal-Master ksibna żewġ rebħiet u żewġ telfiet, bl-erba logħbiet jintemmu bl-iskor ta’ 2-1. Philip Ciantar u Arthur Cachia rebħu kontra Derek Dudgeon u Paul Cairns filwaqt li Frans Mintoff u David Zammit tilfu kontra Lee McAllister u Darren Gilbertson. Fil-Juniors, Xavier Rizzo tilef, 2-1, kontra ż-żgħażugħ Skoċċiż, Sam McKay. Brian Cini fl-ewwel frame li lagħab kiseb l-aħjar break tat-tournament s’issa meta għamel break ta’ 88 punt. Il-punteġġ finali kontra c-champions renjanti, l-Iskozja kien 16-11.

Aktar tard f’logħba ferm bilanċjata, Malta rebħet kontra r-Repubblika Irlandiża 14 bi 13. Brian Cini u Alex Borg rebħu, 2-1, kontra Michael Judge u Philip Browne filwaqt li Isaac Borg tilef, 2-1, kontra Daniel Merrigan u Joseph Casha ma kellu l-ebda risposta għalloppożizzjoni ta’ Robert Murphy u tilef 3-0. Fost il-players tal-Masters tat-tim Irlandiż hemm Michael Judge li lagħab ukoll fil-kateġorija tal-Irġiel filwaqt li Stephen Merrigan huwa missier Daniel li qed jippartiċipa tal-kateġorija tal-Irġiel. Iż-żewġ Irlandiżi tilfu bl-iskor ta’ 3-0 kontra Philip Ciantar u Arthur Cachia rispettivament. Fl-istess kategorija Frans Mintoff kiseb rebħa ta’ 2-1 kontra l-veteran, Brendan Thomas iżda David Zammit tilef, 3-0, ma George O’Hara. Fil-kateġorija Juniors, Xavier Rizzo għal darb’oħra rebaħ l-ewwel frame iżda tilef, 2-1, kontra Alex Currid.

Wara li kulħadd lagħab żewġ logħbiet, il-klassikfika wara l-ewwel jum ta’ komptezzjoni taqra hekk; ir-Repubblika Irlandiża – 32, Malta – 30, l-Iskozja – 30, l-Irlanda ta’ Fuq – 28 u Franza – 15. Din hija it-tieni darba li Malta qed tieħu sehem f’din il-komptezzjoni u s-sena l-oħra spiċċajna t-tielet wara l-Iskozja u l-Irlanda ta’ Fuq.

Illum Malta tilgħab kontra l-Irlanda ta’ Fuq f’logħba li tibda fis-12.30 p.m. Il-pubbliku sportiv huwa mistieden li jattendi għal dan it-tournament internazzjonali fejn l-entratura hija b’xejn.

Ekonomija

Sport