Wednesday, December 25, 2024

Snooker: Marco Fu jirritorna iżda eliminat minn Ian Burns

Aqra wkoll

Ir-ritorn ta’ Marco Fu fis-snooker profes­sjonali wara assenza ta’ sentejn spiċċa f’telfa ta’ 6-5 kontra Ian Burns fl-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat tad-Dinja f’Sheffield.

Ir-rebbieħ ta’ tliet tournaments ranking, Fu, kien ilu ma jikkompeti fit-tour mill-Welsh Open tal-2020, wara li ħa waqfa mill-isport minħabba taħlita ta’ problemi bil-viżjoni tiegħu u restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar ikkawżati mill-pandemija tal-Co­vid-19.

L-ass ta’ Hong Kong iddeċieda li jirritorna fir-Renju Unit biex jilgħab fl-akbar tournament tas-snooker, iżda minkejja li wera leħħa tal-maġija antika tiegħu, ma setax jieħu l-aħjar mill-Ingliż Burns.

Clearance totali ta’ 141 – konkorrent bikri għall-premju tal-ogħla break tat-tournament ta’ £15,000 – għenet biex Burns imur 3-0 fil-vantaġġ. Fu rkupra għal 3-3, u wara daħlu minn 5-3 għal 5-5 b’century ta’ 122. Iżda break ta’ 73 ta l-frame deċiżiv lil Burns li issa se jiltaqa’ ma’ Elliot Slessor.

It-tamiet ta’ Hong Kong li jkollhom player fl-aħħar fażi ġew sfrattati hekk kif Ng On Yee tilfet 6-2 kontra Rory McLeod. Break ta’ 97 ta lil On Yee l-frame tal-ftuħ, iżda McLeod laqat lura biex ħa sitta mis- seba’ ta’ wara bl-aqwa break ikun ta’ 93.

Peter Devlin warrab għal kollox lil Yorrit Hoes meta għelbu 6-1 filwaqt li Yuan Sijun għamel centuries ta’ 105 u 130 fir-rebħa 6-3 fuq Ross Muir.

James Cahill, li fl-2019 elimina lil Ronnie O’Sullivan fil-Crucible, mexa pass lejn ir-ritorn billi għeleb lil Jamie O’Neill 6-4 inkluż break kbir ta’ 113.

Lee Walker ipproduċa break ta’ 100 fir- rebħa 6-2 fuq Reanne Evans filwaqt li Daniel Wells daħal minn 5-4 minn taħt biex għeleb lil Chang Bingyu 6-5.

Fl-aħħar partita tat-tieni ġurnata li ntemmet fis-2.00 am ħin Ingliż tal-Erbgħa filgħodu, Peter Lines kien 5-2 minn taħt iżda għamilhom 5-5 fid-derby ta’ Leeds kontra Sanderson Lam, biss kien Lam li rebaħ il-frame deċiżiv fuq il-kuluri.

Il-player minn Wales, Liam Davies sar l-iżgħar rebbieħ li qatt kien hemm ta’ partita tal-Kampjonat tad-Dinja meta fl-eta’ ta’ 15-il sena u 277 ġurnata għeleb lil Aaron Hill 6-4 kif ukoll ir-rekord stabbilit fl-2020 minn Ben Mertens, li kien jumejn biss ikbar minnu meta għeleb lil James Cahill.

Davies huwa wieħed minn 16-il dilettant li ngħataw post fir-rounds ta’ kwalifikazzjoni mill-WPBSA, wara li wasal sas-semi-finali tal-Kampjonat Junior WSF riċenti. Huwa ġġustifika postu bi prestazzjoni taj­ba kontra Hill, li issa ġie relegat miċ-ċir­kwit professjonali u se jkollu jgħaddi mill-Q School biex jerġa’ jikseb il-karta tiegħu.

Break ta’ 127, l-ogħla tal-partita, ra lil Davies jieħu t-tieni frame, imbagħad minn 1-1 waqa’ 4-2 lura. Iżda huwa rkupra biex rebaħ l-aħħar erba’ frames konsekuttivi bi break ta’ 72. Jeħtieġ tliet rebħiet oħra biex jilħaq il-Crucible u issa jmissu konfront ma’ Fergal O’Brien.

Kienet ġurnata sabiħa għad-dilettanti hekk kif Robbie McGuigan, tal-Irlanda ta’ Fuq li għandu 17-il sena, daħal minn 3-1 u 4-3 minn taħt biex skorja suċċess ta’ 6-4 fuq il-professjonali ta’ esperjenza, Alfie Burden.

Michael White, dilettant ieħor għalkemm b’żewġ titli ranking wara ismu, għeleb lil Fraser Patrick 6-1 bl-aqwa break ikun ta’ 100.

Iċ-Champion tad-Dinja tan-Nisa, Nut­charut Wongharuthai, qasmet l-ewwel erba’ frames tal-logħba tagħha ma’ Duane Jones, iżda l-Welshman baqa’ sejjer biex rebaħ 6-2.

It-tamiet tal-veteran Jimmy White li jasal sal-Crucible għall-ewwel darba mill-2006 ma damux ma ntemmu meta tilef kontra Andrew Pagett bl-aqwa break tiegħu jkun ta’ 95.

Ekonomija

Sport