Saturday, December 21, 2024

Snooker: Neil Robertson biċ-ċans għal bonus qawwi fil-Gibraltar Open

Aqra wkoll

Iċ-champion tal-Masters, Neil Robertson żamm it-tamiet tiegħu li jakkwista l-bonus tas-Sensiela BetVictor ta’ £150,000, filwaqt li ċ-ċansijiet taċ-champion tal-UK Championship, Zhao Xintong, li jirbħu hu ntemmu fl-ewwel ġurnata tal-Gibraltar Open li qed isir f’dawn it-tlett ijiem mill-Ħamis sal-lum.

Meta fit-tournament bdew jieħdu sehem 128 player l-Awstraljan Robertson kellu jinnegozja tliet logħbiet biex jassigura postu fl-aħħar ġurnata tal-logħob tal-lum is-Sibt, fejn l-avveniment se jintlagħab sal-konklużjoni tiegħu mill-aħħar 16 ‘il quddiem.

Robertson, li rebaħ l-English Open aktar kmieni fl-istaġun, kiseb rebħiet ta’ 4-2 fuq Liang Wenbo u Oliver Lines biex wasal sal-aħħar 32 kontra Rory McLeod.

Huwa żgura li jkompli għaddej billi għamel breaks ta’ 61, 78 u 102 fi triqtu lejn rebħa ta’ 4-1. L-avversarju li jmiss ta’ Robertson se jkun Jak Jones, li fl-aħħar 32 għeleb liċ-champion ta’ li Scottish Open, Luca Brecel, 4-3.

Robertson irid mill-inqas jasal sas-semi-finali biex ikollu ċ-ċans li jakkwista l-bonus, li jmur għand il-player li jakkumula l-aktar premjijiet fi flus fit-tmien avvenimenti.

Robertson qal: “Dan l-istaġun kien tal-biża’. Ir-rata tal-kolp tiegħi kienet inkre­dibbli u lgħabt tajjeb ħafna b’marka tajba ta’ snooker. Dan kien ta’ pjaċir. Ninsab ħerqan għall-kumplament tal-istaġun bit-Tour Cham­pionship, fejn qed infittex li niddefendi t-titlu tiegħi u mbagħad il-Kampjonat tad-Dinja. L-affarijiet jerġgħu jsiru serji.”

Iċ-Ċiniż Zhao kien poġġa lilu nnifsu f’pożizzjoni b’saħħitha fil-klassifika tas-sensiela, wara li f’Jannar rebaħ il-German Masters. Huwa beda tajjeb, b’rebħa 4-1 fuq Jamie Clarke fir-round tal-ftuħ. Madankollu, telfa bl-istess riżultat ta’ 4-1 minn idejn Chris Wakelin ratu jiġi eliminat.

Id-dilettanti Iranjan, Soheil Vahedi, waqqaf it-tamiet ta’ Wakelin li jagħmel l-aħ­ħar ġurnata, meta għelbu 4-2 fl-aħħar 32. 

In-numru ħamsa tad-dinja, Kyren Wilson, ibbukkja postu fl-aħħar 16 grazzi għar-rebħa 4-1 fuq ir-rebbieħ ta’ erba’ tournament rankings, Ali Carter. Wilson waqqa’ frame wieħed biss fit-tliet logħbiet tiegħu u l-aqwa break kontra Carter kien ta’ 88.

Ir-rebbieħ Ċiniż ta’ 14-il tournaments ranking, Ding Junhui, u l-ekx rebbieħ tal-Welsh Open, Jordan Brown, assiguraw il-passaġġ tagħhom għall-aħħar ġurnata. Ding għeleb lil Aaron Hill 4-1 fl-aħħar 32, filwaqt li Brown ħasad lil Louis Heathcote 4-0.

Player li ġie sorpriż fl-ewwel round kien Ronnie O’Sullivan li ġie megħlub fl-ewwel round minn Ben Woollaston 4-3 biż-żewġ players jagħmlu żewġ breaks kull wieħed, Woollaston ta’ 65 u 61 u O’Sullivan ta’ 51 u 60.

Sfortunatament, minħabba l-maltemp f’Ġibiltà, ċerti titjiriet mir-Renju Unit ġew devjati lejn Malaga. Players li jivvjaġġaw b’passaporti mhux Britanniċi u mingħajr Viża ta’ Schengen ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tad-dħul tal-viża Spanjola u għalhekk kellhom itiru lura lejn ir-Renju Unit u xi wħud mhux se jkunu jistgħu jikkompetu fil-Gibraltar Open.

Dan jaffettwa numru relattivament żgħir ta’ players. L-avversarji tagħhom fit-tournament irċevew walk-over għat-tieni round.

Ekonomija

Sport