Saturday, October 26, 2024

Snooker – Players’ Championship: Sa fl-aħħar O’Sullivan jirnexxielu jegħleb lil Trump

Aqra wkoll

Ronnie O’Sullivan kiseb l-ewwel rebħa tiegħu fuq Judd Trump fi kważi tliet snin meta għelbu 6-3 quddiem arena ppakkjata fil-Players Championship li qed isir f’Aldersley Leisure Village, f’Wolverhampton.

L-aħħar li O’Sullivan għeleb lil Trump fit-Tour Championship tal-2019, kien meta rebaħlu f’semi-finali epika 10-9. Minn dak inhar kien sofra tliet telfiet konsekuttivi f’idejn l-Ace in the Pack. Ma kienx hemm siġġu żej­jed fis-sala hekk kif O’Sullivan ta wirja suprema biex iwaqqaf is-sensiela negattiva.

Minkejja r-rebħa, iċ-champion tad-dinja sitt darbiet, O’Sullivan, għadu minn taħt kontra Trump fil-konfronti ras imb’ras. L-arretrati tiegħu issa tnaqqsu għal wieħed biss, 13-12.

O’Sullivan bħalissa jinsab quddiem fil-Cazoo Series ta’ dan l-istaġun, wara li għeleb lil Neil Robertson fil-finali tal-World Grand Prix qabel il-Milied. Issa se jerġa’ jiffaċċja lil Ro­bertson fil-kwarti-finali ta’ din il-ġimgħa.

L-istennija ta’ Trump għall-ewwel titlu rank­ing tal-istaġun tkompli. Huwa rebaħ 11-il titlu ranking fl-aħħar żewġ staġuni, iżda għad irid imur lil hinn mill-kwarti-finali f’wieħed f’dan l-istaġun, għalkemm lura f’Novem­bru rebaħ iċ-Champion of Champions li peró huwa bi stedina.

Il-koppja qasmu ż-żewġ frames tal-ftuħ, b’O’Sullivan jagħmel break ta’ 90 biex jieħu l-ewwel wieħed, qabel ma Trump kiseb il-parità.

Trump kellu l-ewwel opportunità fit-tielet, iżda l-ġirja tiegħu waqfet fuq 53. O’Sullivan kien bla ħniena bi 83 biex mar quddiem għal darb’oħra. Imbagħad żied break ieħor ta’ 99 biex fil-mistrieħ daħal 3-1 fuq quddiem.

Meta reġa’ beda l-logħob Trump naqqas il-marġni, iżda minn hemm O’Sullivan attakka għal-linja tat-tmiem meta breaks ta’ 62, 127 u 52 għenuh għal tlieta mill-erbgħa ta’ wara, li rawh joħroġ rebbieħ 6-3.

Ricky Walden għadda għall-kwarti-finali wara rebħa deċiżiva ta’ 6-2 fuq l-eks cham­pion tal-Masters, Mark Allen.

Il-player minn Chester, Walden, s’issa qed igawdi minn staġun impressjonanti biex ikompli fit-tfittxija tiegħu għall-ewwel biċċa tal-fidda mill-International Championship tal-2014.

Il-forma qawwija ta’ Walden ratu jilħaq żewġ semi-finali s’issa dan l-istaġun, wara li għamel l-aħħar erbgħa fin-Northern Ireland Open u fil-German Masters.

Mark Williams seta’ fixkel lir-rebbieħ ta’ tliet tournaments ranking li jilħaq it-tielet semi-finali tal-istaġun meta ffaċċjaw lil xul­xin fl-ewwel kwarti-finali li saret il-bieraħ filgħaxija.

John Higgins ipproduċa tliet century breaks wara l-mistrieħ tal-logħba kontra Hossein Vafaei meta għelbu 6-3 u għadda għall-aħħar tmienja. Huwa wasal għat-tournament bħala champion renjanti wara wirja stupenda biex rebaħ it-titlu bejn l-aqwa 16-il players.

Higgins., rebbieħ ta’ 31 titlu rankings dan l-istaġun jinsab f’forma tajba u s-centuries ta’ 134, 101 u 108 huma xhieda ta’ dan. Min-naħa tiegħu Vafaei kien ġej mir-rebħa tax-Shoot Out kontra Mark Williams.

L-avversarju tiegħu fil-kwarti-finali se jkun Jimmy Robertson li kiseb rebħa impressjonanti ta’ 6-1 kontra l-Belġjan, Luca Brecel, fejn kien dan li rebaħ l-ewwel frame bi break ta’ 88.

Iżda Robertson kien fil-kmand tal-logħba meta rebaħ sitt frames wara xulxin li kienu jinkludu ħamsa fl-aħħar erba’ frames ta’ 51, 51 u 91 u tnejn ta’ 56 u 66 f’dak li ssiġillalu r-rebħa.

Sport