Sunday, May 19, 2024

Dramm Ċelebri Jiddebutta bil-Malti fit-Teatru Manoel

Aqra wkoll

Ir-Raġel li Ħawwad lil Martu ma’ Kappell tlaqqa’ flimkien kast brillanti għall-verżjoni bil-Mal ti tax-xogħol teatrali ta’ Peter Brook u Marie-Hélène Estienne magħruf mad-dinja kollha 

Esperjenza teatrali unika, ibbażata fuq il-ktieb The Man Who Mistook His Wife For a Hat tan-newrologu eminenti Oliver Sacks, dalwaqt se tiġi ppreżentata għall-ewwel darba f’Malta fuq il-palk tal-Manoel, f’addattament ġdid bil-lingwa Maltija.

Ir-Raġel li Ħawwad lil Martu ma’ Kappell tesplora l-istejjer tal-każijiet bizzarri ta’ wħud mill-pazjenti newroloġiċi ta’ Sacks, hekk kif iddeskrivihom hu stess fil-ktieb li għamel suċċess kbir. Filwaqt li oriġinarjament dan ix-xogħol kien ġie addattat għall-palk minn Peter Brook u Marie-Hélène Estienne fir-rappreżentazzjoni teatrali tagħhom Man Who: A Theatrical Research, ikkreata f’Pariġi bis-saħħa tal-kumpanija ta’ atturi ta’ Brook fit-Teatru The Bouffes du Nord, issa dan id-dramm mhux tas-soltu wasal biex jiddebutta bil-Malti fit-Teatru Manoel bejn it-18 u l-20 ta’ Frar.

“Kburin li se nippreżentaw l-ewwel wirja bil-lingwa Maltija ta’ Ir-Raġel li Ħawwad lil Martu ma’ Kappell, li se toffri esperjenza teatrali eċċitanti li qatt qabel ma ttellgħet fuq palk hawn Malta,” qal il-Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel, Massimo Zammit. “Interpretata minn kast brillanti mmexxi minn direttur veteran, dan id-dramm huwa vjaġġ avventuruż ġewwa l-moħħ, u mistenni jkun wieħed mill-avvenimenti teatrali ewlenin fil-Manoel dan l-istaġun.” 

Ir-Raġel li Ħawwad lil Martu ma’ Kappell ġie tradott għall-Malti minn Mario Philip Azzopardi, li qiegħed anki jidderieġi l-produzzjoni. Id-dramm jikkonsisti f’xeni li jesploraw aspetti differenti tal-funzjonijiet tal-moħħ waqt li fl-istess ħin joffru stejjer li jqanqlu l-ħsieb, mil-lenti ta’ diversi pazjenti fil-qasam tan-newroloġija.

Fil-premiere tad-dramm f’Malta dawn l-istejjer vivaċi se jingħataw il-ħajja minn kast magħmul minn uħud mill-aktar atturi b’esperjenza f’Malta, fosthom Mikhail Basmadjian, Ray Calleja, Vince Micallef Pule’ u Charles Sammut.

Ir-Raġel li Ħawwad lil Martu ma’ Kappell se tittella’ fit-Teatru Manoel nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Frar fit-8pm, is-Sibt 19 ta’ Frar fit-8pm, u l-Ħadd 20 ta’ Frar fit-3pm u fis-7pm. Il-biljetti jinbiegħu €20 u jistgħu jinxtraw permezz ta’ email lil [email protected], b’telefonata fuq (+356) 21246389 jew inkella online minn www.teatrumanoel.mt. Dan l-avveniment huwa konformi mal-linji gwida kurrenti kollha b’rabta mal-COVID-19. Il-membri tal-udjenza huma meħtieġa jippreżentaw ċertifikat tat-tilqim validu fil-bieb.

Sport