Saturday, May 4, 2024

Attentat ta’ qtil fuq il-PM Libjan ftit sigħat qabel votazzjoni kruċjali

Aqra wkoll

Aggressuri attakkaw il-karozza tal-Prim Ministru Interim Adulhamid Dbeibah.

L-attakk seħħ aktar kmieni llum meta Dbeibah kien qiegħed jirritorna lura lejn ir-residenza tiegħu.

Waħda mill-balal niffdet mill-windscreen tal-karozza li fiha kien jinsab Dbeibah, iżda b’xorti tajba hu u x-xufier ma sofrew l-ebda ġrieħi f’dan l-attakk. Jidher li b’rabta ma’ dan il-każ, l-Uffiċjal Prosekutur beda investigazzjoni b’rabta ma’ dan l-attakk.

Minn wara l-waqgħa ta’ Muammar Gaddafi, il-Libja kienet iddominata minn nuqqas ta’ paċi u stabbiltà. Fl-2014, il-pajjiż inqasam f’fazzjonijiet tal-Lvant u l-Punent.

Dbeibah huwa n-negozjant mill-belt ta’ Misrata li kien fdat bil-kariga ta’ Prim Ministru bil-kundizzjoni li jwassal il-pajjiż għall-elezzjonijiet li kienu pjanati li jsiru lejn tmiem  Diċembru li għadda.

Huwa kien ingħata dan l-irwol bil-kundizzjoni li ma jikkontestax l-elezzjoni. Minkejja dan huwa ddikjara l-kandidatura tiegħu f’Novembru li għadda, f’mossa li ħafna qisuha bħala mhux ġusta. L-elezzjoni eventwalment ma saritx minħabba tilwim bejn il-fazzjonijiet rivali.

Intant illum, il-membri parlamentari kienu mistennija jagħżlu mexxej ġdid minn fost iż-żewġ kandidati. Dawn huma l-eks Ministru għall-Intern Fathi Bashagha ta’ 59 sena u Khaled al-Bibass ta’ 51 sena li fil-passat serva bħala uffiċjal fil-Ministeru għall-Intern.

Sport