Wednesday, October 9, 2024

“Kelli l-opportunità ntellaq fi Franza wara sensiela ta’ rebħ f’Malta”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Meta kont żgħira ironikament kont nibża’ ħafna miż-żwiemel anke jekk il-familja tiegħi minn dejjem biż-żwiemel. Ta’ seba’ snin urejt ix-xewqa li jkolli miniture pony u bdejt inħoss ċertu ġibda lejn iż-żwiemel. Din il-ponija kienet tajba biss biex tmexxiha daqslikieku għandek xi kelb u toħroġ bih. Ħassejt li kelli mmur għal xi ħaġa aktar avventuruża u missieri xtrali ponija Żvediża bl-isem ta’ Daisy biex nibda nitħarreġ biha mal-akkademja fil-Marsa. Hemmhekk titgħallem kif toħroġ mal-karozza u xi tattiċi oħra, iżda mbagħad jiddependi minn dak li jkun biex jibqa’ jimrah fit-talent tiegħu. 

L-ewwel tiġrija li kkompetejt irbaħt mill-ewwel u minn hemmhekk qatt ma ħarist lura tant li mill-20 tiġrija li soqt kelli prestazzjoni tajba ħafna tant li ma kont megħluba fl-ebda waħda minnhom u saħansitra rbaħt żewġ tazzi tal-President taż-żgħar.

Il-biża’ li kelli meta kont tifla naħseb illum inbidel f’kuraġġ biex nkompli nikber f’dan id-delizzju u wara dak l-istaġun xtaqt immur għal xi ħaġa akbar. Ta’ 14-il sena il-Malta Racing Club organizza tiġrijiet tad-dilettanti bejn il-12 u s-16-il sena u kont soqt f’żewġ tiġrijiet. Kont ħriġt rebbieħa fiż-żewġ tiġrijiet; waħda b’Amour du pont u oħra bi Seul En Tete.

Ta’ 16-il sena kont eleġibbli biex inġib il-liċenzja u ovjament ħtaft l-opportunità biex nagħmel dan. Illum il-ġurnata jiena nsuq ma’ sewwieqa stabbiliti li l-maġġoranza tagħhom huma rġiel, apparti xi nisa oħrajn li huma akbar minni fl-età.

Is-sena li għaddiet soqt f’ħames tiġrijiet u ħriġt rebbieħa fi tnejn minnhom, b’waħda minnhom tkun fl-ogħla Kategorija Premier biż-żiemel Caid de Bengalle.

Fl-istaġun 2021 kelli staġun tajjeb ħafna u saħansitra rnexxieli naqta’ xewqti li nirbaħ finali taż-żwiemel Franċiżi biż-żiemel Givre Nonantais. Din kienet esperjenza speċjali għalija għax ta’ 17-il sena kont l-ewwel persuna ta’ dik l-età li rbaħt kampjonat. Fl-istess staġun kont magħżula bħala l-aqwa sewwieqa ta’ taħt il-25 sena u l-ġimgħa li għaddiet kelli esperjenza sabiħa ħafna fil-korsa ta’ Vincennes f’Pariġi.

Nemmen li ladarba tirkeb fuq iż-żiemel biex issuq, tkunu int u hu u l-aqwa kollaborazzjoni bejn it-tnejn twasslek biex toħroġ rebbieħa. Mhux dejjem se tkun ward u żahar u minkejja li għadni daqstant żgħira diġà esperjenzajt ċertu sfidi. Il-finali tal-Franċiżi kont sorpriża jien stess bir-rebħ tagħha għax dakinhar soqt b’Givre Nonantais; żiemel li fuq il-karta kien inferjuri għax kien diffiċli biex iżżommu milli jaqleb il-pass. Iż-żiemel għand min kien qabel kien qabad ibatti, iżda hanwhekk, l-esperjenza tgħallmek tmur oltre milli tarma u ssuq żiemel. Missieri u xi ħbieb tiegħu oħrajn dilettanti kienu sabu li ż-żiemel kellu problema fid-dwiefer u saħansitra ttantah ftit l-intern ukoll, iżda ħejjejnih u tagħna mumenti sbieħ ukoll.

Inħares ’il quddiem b’impenn, għax minkejja li dan huwa delizzju minħabba l-flus kbar li jirrikjedi ż-żiemel biex ikun fl-aħjar forma, is-sodisfazzjon f’wiċċ dawk li rawmuni ma nemminx li hemm limitu ta’ prezz li lesti jħallsu għalih meta jarawni kuntenta.”

Cherise Farrugia; l-iżgħar sewwieqa taż-żwiemel tat-trott f’pajjiżna

Sport