Saturday, May 4, 2024

Xahar ħabs wara li nqabad jipprova jdaħħal id-droga fil-ħabs

Aqra wkoll

Francois Zammit ta’ 43 sena kien ikkundannat xahar ħabs wara li nstab ħati li kellu fil-pussess tiegħu d-droga kokaina waqt li kien ġewwa l-ħabs.

Il-każ imur lura għall-15 ta’ Lulju 2019. Fil-Qorti ħareġ li l-imputat kien ittieħed il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin taħt arrest preventiv u meta sarlu scan, l-uffiċjali tal-ħabs irrealizzaw li kellu xi ħaġa moħbija fuq il-persuna tiegħu. 

Intqal li din kienet sustanza bajda, kien hemm trab ġi borża trasparenti u blokka f’ingwanta blu. L-espert li tqabbad biex janalizza s-sustanza misjuba sab li t-trab abjad kellu piż ta’ 6.9 grammi kokaina b’purità ta’ 30% u l-blokka kienet crack cocaine li kellha piż ta’ 0.61 grammi u purità ta’ 32%.

Fl-istqarrija tiegħu, Zammit kien ammetta li s-sustanza kienet kokaina. Mistoqsi dwar il-fatt li meta saret tfittxija fuqu jumejn qabel ġie arrestat u ttieħed id-Depot tal-Pulizija, is-sustanza ma kinitx instabet, huwa qal li ma nstabitx għax kienet moħbija fil-parti intima tiegħu.

Mistoqsi għalfejn ħadha miegħu l-ħabs, jgħid li ma setax jarmiha mal-art. Jgħid ukoll li kien xtara dik is-sustanza ġimgħa qabel l-arrest tiegħu għall-prezz ta’ €500 u nsista li hu xtraha għall-użu personali tiegħu. 

Min-naħa tagħha, id-Difiża sostniet li Zammit ma kienx jaf li kien sejjer il-ħabs u għalhekk, għalkemm is-sustanza kienet fuq il-persuna tiegħu, hu ma kellux l-intenzjoni li jdaħħal il-kokaina l-ħabs.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li kif tixhed il-fedina penali tiegħu, l-imputat ma kienx estranju għall-proċeduri penali u żgur li seta’ jirrealizza li kienet teżisti l-possibilità li, wara li jitressaq il-Qorti taħt arrest, ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest u li għalhekk seta’ jispiċċa l-ħabs. 

“Meta mbagħad din il-possibilità ssarrfet f’realtà, l-imputat għamel għażla, dik li jdaħħal id-droga il-ħabs. Fi kliemu stess l-imputat deherlu li kellu għażla: jew li jarmi d-droga jew li jeħodha miegħu l-ħabs u rinfaccjat b’din l-għażla huwa għazel li jeħodha miegħu il-ħabs,” qalet il-Qorti.

Dwar il-piena, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke qieset in-natura tar-reati li tagħhom qed jinstab ħati Zammit, il-fedina penali tiegħu u l-ammont ta’ droga li nstabet fil-pussess tiegħu. 

Kien għalhekk li sabitu ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontra tiegħu u kkundannatu xahar priġunerija flimkien ma’ multa ta’ €500.  

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Trevor Micallef. 

Sport