Saturday, December 21, 2024

Snooker: Robert Milkins jirbaħ l-ewwel unur tal-karriera tiegħu

Aqra wkoll

Robert Milkins, 46 sena minn Gloucester, dar professjonali lura fl-1995 u qabel kien deher f’sitt semi-finali ta’ tournaments ranking iżda qatt fil-finali – sas-Sibt hekk kif bla dubju jgawdi l-aqwa mument tal-karriera tiegħu. Huwa sar l-ixjeħ rebbieħ għall-ewwel darba ta’ tournament ranking minn mindu Doug Mountjoy rebaħ il-UK Championship fl-1988.

U s-suċċess tiegħu huwa aktar u aktar notevoli meta wieħed iqis li kien rebaħ biss tliet logħbiet fl-istaġun kollu qabel din il-ġimgħa. Seba’ rebħiet wara xulxin fi tlett ijiem tawh bil-bosta l-akbar jum ta’ ħlas ta’ £50,000.

Wieħed mill-players tal-isport b’aktar talent naturali li huwa popolari ma’ sħabu għan-natura normalment affabbli tiegħu, Milkins issa jista’ jistenna bil-ħerqa futur isbaħ wara li jkun wettaq tal-inqas parti mill-potenzjal tiegħu.

Wara li ngħaqad ma’ lista ta’ rebbieħa għall-ewwel darba dan l-istaġun – flimkien ma’ David Gilbert, Zhao Xintong, Hossein Vafaei, Fan Zhengyi u Joe Perry – Milkins se jiddebutta fiċ-Champion of Champions aktar tard din is-sena waqt li tela’ mit-43 post għat-28 wieħed fir-rankings.

Minbarra Milkins, ħadd ma kellu aktar raġuni biex jiċċelebra r-riżultat tal-ġurnata minn John Higgins bl-Iskoċċiż ta’ 46 sena wkoll jirbaħ il-bonus enormi ta’ £150,000 meta kiseb il-quċċata tal-klassifika tas-Sensiela BetVictor wara t-tmien avvenimenti.

In-numru 5 tad-dinja Wilson laħaq l-ewwel finali ranking tiegħu tal-istaġun u rebaħ £20,000 bħala runner-up, iżda żgur li se jara din bħala opportunità mitlufa. Issa tilef sebgħa mill-11-il finali rankings tal- karriera tiegħu.

Wilson żgur li jiddispjaċih kif tilef l-ewwel frame meta wara li beda bi break ta’ 59, Milkins mar aħjar minnu u rrisponda b’71.

Milkins rebaħ it-tieni frame u anke t-tielet biex mar 3-0 minn fuq bi break ta’ 62 iżda Wilson għamel sforz biex jerġa’ jidħol fil-logħba meta l-ewwel naqqas il-marġni b’wieħed ta’ 65 u wara resaq iktar viċin meta rebaħ il-ħames frame.

Wilson kellu ċ-ċans li jestendi l-ġlieda lura fis-sitt frame, sakemm tilef roża diffiċli għaċ-ċentru meta kien 30-10 minn taħt. Din id-darba ma kien hemm l-ebda żball minn Milkins hekk kif żamm il-kalma u bi break ta’ 44 issiġilla r-rebħa.

“Ilu żmien twil ġej,” qal il-player imlaqqam The Milkman. “Ħdimt il-karriera kollha tiegħi għal dan, hija ħolma li saret realtà. Huwa diffiċli li tibqa’ tipprattika u ma tieħux il-premjijiet, iżda mument bħal dan jagħmilha tiswa. Biex inkun onest ma ħsibtx li qatt se nara din il-ġurnata.

“Nixtieq niddedika dan it-trofew lin-nies ta’ madwari li tlift u li llum ma jistgħux jarawni hawn – ommi u missieri, u nies oħra.”

Wilson qal: “Dan huwa mument speċjali għal Rob għalhekk prosit lilu. Jien ma kont hemm xejn, tlift il-momentum tiegħi fil-finali. Kieku ħadt l-ewwel frame stajt issetiljajt u ħallejt lil Rob kiesaħ, iżda għamel clearance tassew tajba. Wara dan saret diffiċli ħafna. Ippruvajt niġġilidha minn 3-0.”

Il-frames kollha ntemmu hekk:

Robert Milkins v Kyren Wilson 4-2 – 71-59 (Milkins 71, Wilson 59), 62-29, 76-25 (62), 20-85 (65), 27-63, 74-10.

Illum fi Llandudno, Wales, se jibda tournament ranking ieħor, it-Tour Championship.

Ekonomija

Sport