Wednesday, November 13, 2024

Snooker: Ryan Day jirbaħ il-British Open

Aqra wkoll

Il-player minn Wales, Ryan Day, rebaħ ir-raba’ titlu ranking tiegħu – u l-akbar wieħed tal-karriera tiegħu – hekk kif ġie minn 7-6 minn taħt biex għeleb lill-Irlandiż, Mark Allen, 10-7, fil-finali tal-British Open.

B’hekk Day għamilha l-ġurnata tiegħu meta żied dan l-unur mar-Riga Masters, Gibraltar Open u x-Shoot Out, iżda ammetta li t-trijonf ta’ din il-ġimgħa f’Milton Keynes huwa bla dubju l-akbar kisba tiegħu fis-snooker.

Il-player ta’ 42 sena kiseb l-ogħla premju ta’ £100,000, biex irdoppja l-aqwa jum ta’ paga preċedenti tiegħu, u ħa miegħu l-Clive Everton Trophy f’Pontycymmer, waqt li kiseb post fiċ-Champion of Champions u anke tela’ mis-27 sas-16-il post fil-lista tar-rankings.

Allen kien favorit kbir wara li kien l-aqwa player tal-ġimgħa, iżda kien qabeż fil-mumenti deċiżivi hekk kif l-avversarju tiegħu qata’ l-aħħar erba’ frames ta’ finali eċċitanti. Allen, 36 sena, li tilef is-seba’ titlu ranking, ħa miegħu £45,000 u tela’ mill-14 għall-10 post.

Sa tmiem l-ewwel sessjoni  l-iskotr kien 4-4 iżda filgħaxija Allan mar 5-4 minn fuq u aktar tard anke mar 7-6 sakemm Day wera l-kapaċitajiet tiegħu u b’erba’ frames konsekuttivi għalaq il-logħba.

“Huwa speċjali,” qal Day, li ngħaqdu miegħu l-mara Lynsey u l-uliedhom Francesca u Lauren hekk kif iċċelebra bit-trofew. “Kienet logħba meraviljuża u ta’ livell mill-aqwa għal ħafna minnha. Li tkun tista’ taqsam dak il-mument fuq il-mejda mat-trofew u l-familja hija maġija.

“Marti kienet diġà bbukkjat vaganza fi New York f’Diċembru u għalhekk il-£100,000 jaslu f’mument tajjeb!”

Allen, li tilef aktar minn erba’ libbri fil-piż matul is-sajf qal: “Inħoss li għandi l-prijoritajiet tiegħi aħjar issa. Għamilt għal ħajti, aktar milli għas-snooker tiegħi, iżda jekk tgħin il-logħba tiegħi wkoll dan huwa brillanti. Qed insir aktar b’saħħti għax irrid inkun madwar il-familja tiegħi.”

Ekonomija

Sport