Wednesday, April 24, 2024

Joġġezzjonaw għal bini ta’ lukanda fis-sit Natura 2000

Aqra wkoll

BirdLife Malta u Din l-Art Ħelwa, iż-żewġ organizzazzjonijiet responsabbli mit-tmexxija tar-Riserva Naturali Foresta 2000, ressqu oġġezzjonijiet separati quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar b’rabta ma’ applikazzjoni għal żvilupp mill-ġdid fis-sit ta’ dik li kienet il-Lukanda Festaval fil-Mellieħa. L-applikazzjoni tipproponi l-iżvilupp ta’ lukanda ta’ ħames sulari bil-pixxina, ristoranti, parkeġġ u diversi faċilitajiet oħra fi ħdan is-sit Natura 2000 magħruf bħala “L-Inħawi tal-Għadira”. 

Fl-oġġezzjoni li ressqet nhar il-Ġimgħa, BirdLife Malta insistiet li s-sit ta’ dik li qabel kienet lukanda, anke jekk fadal biss fdalijiet, kien skedat mill-MEPA fl-2006 bħala Sit ta’ Interess Xjentifiku u Żona ta’ Importanza Ekoloġika, waqt li ż-żona tinsab fil-konfini ta’ sit Natura 2000 u Santwarju tal-Għasafar. 

Mill-2003 lil hawn, medda art kbira bejn it-Torri l-Aħmar u r-Riserva Naturali tal-Għadira kienet iddedikata għat-twettiq tal-proġett ta’ afforestazzjoni Foresta 2000 li wassal biex inħoloq mill-ġdid bosk b’ħabitat Mediterranju. Minkejja xi atti vandali li twettqu fis-snin inizjali, is-sit illum immatura fi spazju aħdar miftuħ fil-Mellieħa li hu aċċessibbli s-sena kollha għall-pubbliku u li BirdLife Malta tmexxi flimkien ma’ Din l-Art Ħelwa u l-PARKS. 

F’oġġezzjoni separata li tressqet nhar il-Ġimgħa wkoll, Din l-Art Ħelwa min-naħa tagħha oġġezzjonat għat-tentattivi biex ikun iġġustifikat l-iżvilupp ta’ lukanda ta’ ħames sulari fi ħdan dan is-sit ambjentalment sensittiv fuq il-bażi ta’ żvilupp mis-snin sittin, li ilu abbandunat minn dakinhar, b’mod partikolari minħabba li minn dak iż-żmien ’l hawn il-post ġie kklassifikat bħala sit Natura 2000. 

Żvilupp mhux komplut, abbandunat għal għexieren ta’ snin, ma jistax iservi bħala xi forma ta’ impenn legali biex jiġġustifika li wieħed imur kontra l-istatus ta’ protezzjoni u policies relatati li tfasslu apposta biex is-sit u l-valur ambjentali enormi tiegħu f’kuntest aktar wiesa’ jiġu mħarsa minn żvilupp daqstant intensiv u kunfliġġenti. 

Skont iż-żewġ organiżazzjonijiet ambjentali, il-problema mhijiex sempliċiment il-kwistjoni tal-“ħames sulari”, imma l-impatt drammatiku li l-attività turistika se jkollha fuq dan is-sit Natura 2000. 

Iż-żewġ organizzazzjonijiet insistew li l-iżvilupp propost ta’ lukanda jhedded b’mod dirett il-valur ekoloġiku, rikreattiv u edukattiv li joffri dan is-sit. Fl-aħħar snin BirdLife Malta mexxiet diversi żjarat iggwidati għall-iskejjel f’dan il-post li joffru esperjenza unika ta’ tagħlim ibbażat fuq in-natura. 

Is-sit hu miftuħ ukoll għall-pubbliku s-sena kollha, 24 siegħa kuljum, u huwa mekka għal dawk li jħobbu l-mixi, għat-turisti u għar-residenti tal-Mellieħa. Dan, b’mod partikolari matul l-istaġuni tal-kaċċa minħabba li ż-żona hija Santwarju tal-Għasafar u l-uniku sit fil-Mellieħa fejn il-kaċċa u l-insib mhumiex permessi.

Iż-żewġ għaqdiet komplew jinsistu li fil-kuntest ta’ diversi espansjonijiet ta’ lukandi fil-Mellieħa tul l-aħħar snin, dan l-iżvilupp m’hemmx bżonnu u possibbilment mhux ekonomikament vijabbli lanqas fid-dawl tal-aħħar studju tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) li qed jipprevedi li pajjiżna se jkollu ammont żejjed ta’ sodod fil-lukandi, li jwassal għal ċifri insostenibbli tat-turiżmu li jmorru lil hinn minn kemm kapaċi jiflaħ il-pajjiż. 

Fl-oġġezzjoni tagħha lill-Awtorità tal-Ippjanar, BirdLife Malta appellat ukoll lill-iżviluppaturi u lill-periti ta’ l-applikazzjoni biex jiżguraw li s-sit jiġi restawrat b’mod li jilħaq il-potenzjal naturali sħiħ tiegħu, b’mod li jittejjeb dan l-uniku spazju miftuħ fil-Mellieħa, skont ir-rekwiżiti ekoloġiċi tas-sit. 

“L-istatus uniku tas-sit bħala bosk Mediterranju li huwa protett bħala santwarju tal-għasafar fejn ma jistgħux jiġu pprattikati kaċċa u nsib, fejn studenti jiġu mgħallma dwar in-natura tagħna, u fejn il-pubbliku jista’ jgawdi mixja f’wieħed mill-ispazji miftuħa mhux disturbati – anke jekk limitati – jirrikjedi ħarsien u apprezzament u mhux żvilupp u spekulazzjoni,” ikkonkludiet BirdLife Malta. 

Għaqdiet ambjentali oħrajn bħal Friends of the Earth Malta (FoE Malta), The Ramblers’ Association of Malta u Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA) ukoll ressqu l-oġġezzjonijiet tagħhom. 

Sport