Sunday, December 22, 2024

Snooker: Selby jirbaħ l-ewwel logħba fi tliet snin f’The Masters

Aqra wkoll

Iċ-champion tad-dinja, Mark Selby, rebaħ partita tal-Masters għall-ewwel darba fi tliet snin, meta għeleb lil Stephen Maguire 6-3 f’Alexandra Palace biex qata’ l-passaġġ għall-kwarti-finali mal-ħabib tiegħu, Barry Hawkins.

Selby huwa rebbieħ tliet darbiet tal-Masters, iżda ilu ma jasal sas-semi-finali mill-2014 meta kien spiċċa fina­lista. L-aħħar li rebaħ dan it-tournament kien fl-2013 meta fil-finali għeleb lil Neil Robertson.

Minkejja li jokkupa l-ewwel post tar-rankings mondjali, Selby għadu qed jimmira li jilħaq l-aqwa forma dan l-istaġun. Huwa kiseb ir-raba’ titlu tal-Kampjonat tad-Dinja f’Mejju li għadda, meta għeleb lil Shaun Murphy 18-15 fil-Crucible. 

L-ewwel frame kien kontestat b’mod feroċi li dam 45 minuta qabel ma rebħu Selby. Imbagħad Maguire kiseb id-draw bi break ta’ 87 u sal-mistrieħ l-iskor kien 2-2.

Selby reġa’ mar fil-vantaġġ, qabel ma rebaħ is-sitt frame bi break ta’ 64 biex għamilhom 4-2.

Selby kompla jżid il-vantaġġ meta rebaħ is-seba’ frame. Peró Maguire pproduċa break ta’ 84 biex għamilhom 5-3. Madankollu, kien għalxejn hekk kif Selby spiċċa rebbieħ 6-3 meta rebaħ id-disa’ frame.

Judd Trump sar is-seba’ player fl-aħħar tmienja meta għeleb lil Mark Allen 6-5 li fiha għamel breaks ta’ 101, 101, 88, 135 u 62 waqt li Allen għamel 92, 65 u 54.

Il-bieraħ filgħaxija saret l-aħħar logħba mill-ewwel round bejn Kyren Wilson u Stuart Bingham u llum jintlagħbu l-ewwel żewġ kwarti-finali hekk: Neil Robertson v Ronnie O’Sullivan (2.00 pm) u Mark Williams v John Higgins (8.00 pm).

Ekonomija

Sport