Saturday, December 21, 2024

Snooker – Tour Championship: Higgins b’rimonta qawwija

Aqra wkoll

John Higgins ipproduċa rimonta epika minn 8-4 minn taħt biex għeleb lil Zhao Xintong biċ-champion tad-dinja erba’ dar­biet fisser bħala waħda mill-’aqwa rebħiet li qatt kellu’, biex wasal sas-semi-finali tat-Tour Championship li qed isir fi Llandudno.

Ir-rebħa tgħaqqad ftit jiem mimlija għal Higgins, li nhar is-Sibt rebaħ £150,000 wara li spiċċa fil-quċċata tal-klassifika BetVictor Series wara l-Gibraltar Open.

Ir-rebħa hija l-ewwel darba li Higgins rebaħ partita minn dan it-tournament, wara li fl-2020 u fl-2021 tilef fl-ewwel round.

Zhao wasal fit-Tramuntana ta’ Wales bħala s-seed numru wieħed, wara li kiseb l-ewwel rebħa tat-Triple Crown fil-UK Cham­pionship u kiseb it-tieni titlu ranking fil-German Masters.

Bl-ewwel tmienja biss fil-lista ta’ sena jikkwalifikaw għal dan it-tournament elite, Higgins għeleb bi ftit lil Ricky Walden biex kiseb l-aħħar post.

L-Iskoċċiż Higgins issa mar 5-3 minn fuq kontra Zhao fil-konfronti ras imb’ras, wara li ltaqgħu tliet darbiet dan l-istaġun. Iċ-Ċiniż Zhao għeleb lil Higgins fi triqtu biex rebaħ il-UK Championship fl-aħħar tas-sena li għaddiet. Madankollu, il-Wizard ta’ Wishaw għamel il-vendetta tiegħu b’rebħa fl-ewwel round tal-Masters f’Jannar.

L-ewwel sessjoni ta’ wara nofsinhar rat lil Zhao jiddomina u jistabbilixxi vantaġġ ta’ 5-3, iżda Higgins b’mod kruċjali kiseb l-aħħar frame biex jibqa’ f’kuntatt.

Meta l-logħob kompla filgħaxija, Higgins, rebbieħ ta’ 31 titlu ranking, rebaħ l-ewwel frame li kien wieħed nervuż fuq ir-roża biex naqqas id-distakk għal frame wieħed biss, 5-4. Iżda minn hemm Zhao, 24 sena,  deher jieħu l-kmand tal-logħba f’idejh.

Zhao, imlaqqam ‘Iċ-Ċiklun’ għamel breaks ta’ 128 u 71 fi triqtu lejn tliet frames wara xulxin biex fetaħ vantaġġ ta’ 8-4. Imbagħad huwa beda jfalli l-opportunitajiet u Higgins uża l-esperjenza tiegħu biex reġa’ daħal lura fil-konfront.

Wara dan Higgins rebaħ tliet frames konsekuttivi biex resaq wieħed biss minn taħt, qabel ma break ta’ 83 reġa’ irrestawra l-parità u għamilhom 8-8. Il-momentum  deher li nbidel għal kollox meta Higgins sostna l-ħames frame konsekuttiv tiegħu, biex imur għall-ewwel darba minn fuq, fil-partita kollha, 9-8.

Zhao wera l-karattru tiegħu u waqqaf it-taħsir b’kontribut ta’ 64 biex daħħal l-logħba fil-frame deċiżiv. Madankollu, b’diversi ħomor imwaħħla mal-cushion ta’ fuq, Higgins uża l-esperjenza kollha tiegħu biex jirbaħ il-punti fuq tliet kontribuz­zjonijiet biex qabeż il-linja tat-tmiem. Is-Sibt huwa se jiffaċċja lil Judd Trump jew lil Luca Brecel fis-semi-finali.

Kull player għamel sitt breaks, 63, 57, 69, 56, 83 u 59 minn Higgins u 53, 124, 108, 128, 71 u 64 minn Zhao.

“Kienet rebħa brillanti, probabbilment waħda mill-aqwa li qatt kelli meta rkuprajt minn erba’ frames minn taħt kontra xi ħadd bħal Zhao, li kien qed jolqot il-boċċi b’mod mill-aqwa,” qal Higgins ta’ 46 sena, wara l-logħba.

Il-logħob qed isir fuq 19-il frames, disgħa wara nofs in-nhar u 10 fil-għaxija.

Il-bieraħ lagħbu Neil Robertson u Mark Allen u llum Ronnie O’Sullivan jilgħab ma’ Mark Williams u għada Judd Trump jiltaqa’ kontra Luca Brecel.

Ekonomija

Sport