Tuesday, December 24, 2024

Sodisfatt immens bil-wirjiet tal-players – Anthony Farrugia (coach nazzjonali tal-waterpolo U/16)

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

It-team nazzjonali Malti tal-waterpolo fil-kategorija ta’ taħt is-16-il sena sofra telfa ta’ 9-7 kontra l-Brażil fl-aħħar impenn tal-kampjonat dinji organizzat mill-FINA.  

Il-Maltin, immexxija mill-coach Anthony Farrugia kienu jinsabu fi draw ta’ 7-7 fl-aħħar minuti tal-partita u kellhom saħansitra ċans li jirbħu l-partita iżda l-players Brażiljani kienu aktar tajbin u fl-aħħar sekondi skorjaw żewġ goals oħra sabiex rebħu l-partita.  

B’hekk Malta spiċċat fit-12-il post tal-klassifika ta’ dan il-kampjonat dinji li sar fil-belt ta’ Volos fil-Greċja. Din kienet l-ewwel darba li team Malti ta’ din il-kategorija ħa sehem f’dan it-turnament mondjali.  

Sadanittant fil-logħbiet preċendenti li ntlagħbu aktar kmieni l-ġimgħa l-oħra, il-Maltin bdew b’żewġ riżultati pożittivi meta għelbu lill-Istati Uniti 10-7 filwaqt li kisbu żewġ punti oħra importanti wara suċċess kontra Kazakhztan 13-3. 

Fil-kwarti tal-finali, iż-żgħażagħ Maltin iltaqgħu kontra l-Eġittu u rnexxielhom ikomplu bis-sensiela ta’ rebħ hekk kif għelbuhom 8-6. 

Eventwalment, l-Istati Uniti kisbu rebħa fuq Malta bl-iskor ta’ 10-7 fit-tieni konfront uffiċjali tagħhom filwaqt li kif semmejna aktar qabel, fil-partita għall-11 u t-12-il post l-Eġittu rebħu lil Malta 9-7.  

Talk.mt ħa l-kummenti tal-coach tat-team nazzjonali ta’ taħt is-16-il sena Anthony Farrugia fejn tana l-opinjoni tiegħu dwar din l-avventura storika iżda fl-istess waqt pożittiva għaż-żgħażagħ Maltin.  

“Kollox ma’ kollox nista’ ngħid li kont ferm sodisfatt bil-wirjiet tajba li taw il-players tiegħi. Irnexxielna nieħdu l-grupp li kien jinkludi l-Istati Uniti u l-Kazakhztan għalkemm meta mbagħad tibda tavvanza aktar lil hinn fil-kompetizzjoni, tiġik xi ftit tad-diżappunt meta titlef logħbiet bħal kontra l-istess Stati Uniti u l-aħħar partita kontra l-Brażil.” 

“Irridu ngħidu li lgħabna kontra avversarji li kolllha kemm huma kienu ppreparati fiżikament u li għandhom livell verament għoli. Aħna ftit kellna ċ-ċans nippreparaw u nitħarrġu bl-aħjar mod possibbli minħabba li l-kampjonat spiċċa aktar qabel apparti li diversi plejers baqgħu nvoluti mal-clubs tagħhom sal-aħħar.”

Hu qal li minkejja kollox, fiżikament il-players ma kinux daqshekk ħażin iżda l-fatt li lagħbu numru ta’ partiti fi żmien daqshekk qasir setgħet lagħbet parti importanti fl-aħħar riżultati li kellhom.

Farrugia qal li plejer ta’ ċertu kalibru bħal Jayden Cutajar kien imweġġa’ u għalkemm sforza kemm seta’ u lagħab xi mumenti waqt il-partiti, ma setax jagħti l-mija fil-mija tiegħu.

“ Plejer bħal Jayden tħoss ħafna n-nuqqas tiegħu speċjalment meta kapaċi jivvintalek azzjoni tajba. Hu kien imweġġa’ u ovvjament ma stajtx nirriskjah daqshekk u kien għalhekk li lejn l-aħħar partiti beda jilgħab ftit minuti.”

“Bla dubju li kellna sitwazzjonijiet fejn stajna konna aħjar, mhux dejjem ħadna vantaġġ mill-man up iżda dan kollu hu parti mil-logħba. Jien noħodha li din kienet avventura ġdida għalina u se mmorru lura Malta b’bagalja kbira ta’ esperjenza.”

Anthony Farrugia, magħruf bħala l-Panelli, faħħar sew il-grupp ta’ players li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu li wrew rieda u għaqda kbira u dan wassal għal dan ir-riżultat hekk pożittiv. Fuq kollox hu qal li kien ta’ pjaċir u unur li kellu ċ-ċans iħarreġ lil dawn iż-żgħażagħ.

Eventwalment meta mistoqsi dwar il-futur ta’ dawn il-players li llum il-ġurnata għandhom 16-il sena, Anthony Farrugia kien ferm ottimist. 
“Żgur li dawn il-players se jkomplu jitrawwmu dejjem iktar, se jtejbu l-ħiliet tagħhom u għad narawhom parti mit-tim nazzjonali Malti tal-kbar dejjem jekk iżommu moħħhom hemm. Bla dubju li hemm x’tirranġa iżda naħseb li bnejna bażi li se sservina għas-snin li ġejjin. 

“Il-ftit jiem li qattajna flimkien stajt nara li anke fuq livell taż-żgħażagħ hemm livell f’Malta u dan jista’ jikber dejjem aktar. Ta’ min isemmi wkoll li aħna kklassifikana qabel timijiet b’saħħithom bħal mhuma l-Awstralja, il-Ġermanja u s-Slovenja.”

Finalment saqsejna lil Farrugia dwar xi ringrazzjamenti li jixtieq jgħaddi wara li ntemmet din l-avventura.

“Ovvjament l-ewwel u qabel kollox xtaqt nirringrazzja lill-plejers li taw dak kollu li jafu f’ambjent li għalihom kien l-ewwel darba. Ovvjament ma rridx ninsa l-klabbs li pprovdewlna l-plejers tagħhom għal dan it-tournament. Ma nixtieqx ninsa lill-istaff li kelli miegħi, il-fiżjo-terapista Andrew Pisani, is-Segretarja Ġenerali tal-ASA u t-team manager Rita Azzopardi kif ukoll il-president tal-ASA Joe Caruana Curran li kien f’kuntatt kontinwu magħna permezz tat-telefown u li kienu ta’ spalla kontinwa għalija u ħadmu qatigħ.”

Ekonomija

Sport