Thursday, December 26, 2024

SOLIDARJETÀ BIL-PROVI

Aqra wkoll

Il-poplu Malti u Għawdxi ħa l-fama li huwa poplu ġeneruż. Din il-ġenerożità hija riflessa fl-għadd ta’ maratoni ta’ ġbir ta’ fondi li jsiru minn żmien għal żmien biex jiġu megħjuna persuni kemm lokalment kif ukoll barranin. Iżda l-ġenerożità tal-Maltin ma tiqafx hawn. Imma testendi anke għal oqsma oħra.

Kemm hu ta’ qalb tajba l-poplu Malti wrieha wkoll waqt il-pandemija meta mhux biss segwa l-ordnijiet biex wieħed jaħseb fl-ieħor imma wkoll il-prinċipju tas-solidarjetà, il-poplu wettaqha fil-prattika. Hawnhekk irridu nsemmu wkoll li pajjiżna kien solidali ma’ pajjiżi fejn tul il-pandemija, ta bla ħlas mhux inqas minn 700,000 doża tal-vaċċin lil diversi pajjiżi tal-Commonwealth.

Dan is-sens ta’ altruwiżmu, fejn persuna taħseb f’ħaddieħor, narawh ukoll fost persuni ta’ età żgħira. Dan juri li l-ġenerazzjoni żagħżugħa mhijiex kif ipenġuha ħafna – ma jinteressaha u ma jimpurtaha minn xejn. Anzi bil-maqlub. 

Ta’ min ifakkar illi fis-snin sebgħin il-Gvern ta’ dak iż-żmien kien ħoloq fond għall-posterità li kellu l-għan li jgħin lil pajjiżi oħra f’każ ta’ diżgrazzji naturali jew mhux. Din it-tradizzjoni ta’ solidarjetà qed jesprimiha wkoll bħalissa meta pajjiżna bagħat kontinġent ta’ membri tal-Protezzjoni Ċivili fit-Turkija li bħalissa għaddejja minn tbatijiet kbar wara t-terremot qawwi tat-Tnejn filgħodu li ħalla eluf ta’ nies mejta.

Dan huwa ammirevoli minn dawn il-membri li kienu lesti li jħallu lill-familji tagħhom warajhom biex imorru jagħtu l-għajnuna kollha tagħhom fit-tfittxijiet għall-persuni li x’aktarx għadhom maqbudin taħt it-tifrik ta’ bini li twaqqa’ bit-terremot.

Il-fatt li aħna qed ngħinu pajjiżi oħra jimlina b’sodisfazzjon illi pajjiżna huwa preparat ukoll għal kull eventwalità li tista’ tinqala’ lokalment. Dan jixhed ukoll l-investiment li qed isir f’dak li huwa tagħmir modern u taħriġ għall-membri tal-Protezzjoni Ċivili – li għandha sserraħ ukoll l-imħuħ tan-nies li pajjiżna huwa attrezzat biżżejjed għal sitwazzjonijiet ta’ natura kumplessa u gravi.

Quddiem l-għajnuna li pajjiżna qed jagħti lill-barranin, f’dan il-każ lill-poplu Tork u Sirjan, din tkun tista’ tiġi reċiprokati f’każ li pajjiżna jiġi bżonn għajnuna estera. Hekk kif nifhmu li għandha tkun is-solidarjetà effettivi bejn il-popli.

Ekonomija

Sport