Il-Pulizija tal-Immigrazzjoni kkonkludiet investigazzjoni importanti fil-ħidma tagħha fil-ġlieda kontra t-traffikar ta’ persuni minn u lejn Malta.
Wara diversi jiem ta’ osservazzjoni, il-Pulizija arrestat raġel ta’ 32 sena mis-Somalja.
Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li din il-persuna allegatament kienet qiegħda tbiegħ passaporti u permessi ta’ residenzi foloz, sabiex jassisti persuni oħra jidħlu jew joħroġu minn Malta.
Ir-raġel ġie arrestat ilbieraħ f’rejd li l-Pulizija tal-Immigrazzjoni għamlet fir-residenza tiegħu f’Wied il-Għajn. F’dan ir-rejd, il-Pulizija sabet diversi dokumenti foloz, kif ukoll dokumenti oriġinali, iżda li rriżultaw li kienu misruqin, kollha fil-pussess tas-Somalu.
Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti b’arrest għada għall-ħabta tad-9:00 a.m quddiem il-Maġistrat Dr Donatella Frendo Dimech, akkużat bi traffikar ta’ persuni u li ffaċilità immigrazzjoni illegali, fost oħrajn.