Wednesday, April 24, 2024

Sors anonimu ta informazzjoni lill-pulizija dwar il-qtil ta’ Joseff Rivas

Aqra wkoll

Kienet persuna anonima iżda “affidabbli” li tat informazzjoni lill-pulizija dwar argument li eskala fi ġlieda bis-skieken bejn żewġ gruppi u li wassal għall-qtil ta’ Joseff Rivas. Il-gruppi kienu allegatament involuti fil-prostituzzjoni.

Dan il-persuna kien qabel biss li jagħti din l-informazzjoni ġalarba ma tinkixifx l-identità tiegħu. Xehed dan is-Surġent Andrew St John hekk kif ilbieraħ kompliet il-kumpilazzjoni kontra tlett irġiel Rumeni – Ilie Constantin ta’ 31 sena u l-kuġini tiegħu Ionut Iulian Tanase ta’ 35 sena u Dan-Andrei Tanase ta’ 32 sena, li jinsabu mixlija bl-omiċidju ta’ Rivas.

St John qal li huwa kien on duty nhar il-5 ta’ Diċembru li għadda meta l-pulizija kienet infurmata għall-ħabta tat-3.35 p.m. li kienet seħħet ġlieda u raġel allegatament qala’ daqqiet ta’ sikkina barra kafetterija fi Triq Ross. Fi ftit minuti, il-pulizija marru fuq il-post.

Hekk kif is-Surġent resaq lejn il-vittma, seta’ jinnota li dan kellu xi ġrieħi f’dahru u anke ma kienx qed jitkellem. Qal li f’mument minnhom, dan ipprova jqum iżda mbagħad reġa’ waqa fl-art. 

Fuq il-post kienet waslet ukoll ambulanza li ħadet lil Rivas l-Isptar Mater Dei. Ix-xhud qal li nnota xi dmija mal-art. Qal li f’mument minnhom, kien hemm raġel li qal li kien lest li jagħti l-informazzjoni lill-pulizija sakemm tiġi żgurata l-anonimità tiegħu.

Dan is-sors kien allega li l-irġiel involuti fil-ġlieda kienu involuti fi ċrieki tal-prostituzzjoni. Huwa spjega kif l-akkużat kien qed jieħu tazza tè fuq barra tal-ħanut meta l-grupp l-ieħor resqu lejh. L-istess sors qal li wara nqala’ argument li eskala fejn intużaw ukoll xi skieken.

Huwa kompla jgħid lill-Pulizija li l-vittma pprova jiġġieled kontra l-allegati aggressuri li marru fuqu. Meta mistoqsi mill-Avukat Franco Debono jispjega aktar dwar dan is-sors anonimu, is-Surġent qal li dan il-persuna kien “affidabbli”. Madankollu, l-Avukat argumenta li l-evidenza kif ppreżentata mix-xhud, li semma x’kien qallu s-sors, kienet tammonta għal “hearsay”. 

Il-każ ikompli f’Marzu.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Kaylie Bonnett u Darlene Grima flimkien mal-Ispettur Wayne Camilleri. L-Avukati Athur Azzopardi u Jacob Magri dehru għall-imputati. 

Sport