Sunday, May 5, 2024

Malta se sservi ta’ mudell għal pajjiżi oħra fil-qasam mediċinali

Aqra wkoll

L-Awtorità Maltija tal-Mediċini, fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea, qed isservi bħala mudell għall-Awtorità responsabbli mill-Mediċini tal-Montenegro sabiex tilħaq l-istandards stabbiliti mill-istess Kummissjoni Ewropea. Dan hekk kif dawn l-istandards huma wħud mill-kriterji li l-Montenegro trid tissodisfa sabiex tiffaċilita d-dħul tagħha fl-Unjoni Ewropea.

Dan intqal waqt żjara li għamel l-Istitut tal-Mediċini u l-Mezzi Mediċinali tal-Montenegro fl-uffiċċji tal-Awtorità Maltija tal-Mediċini u li għaliha attenda l-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela flimkien mat-tmexxija tal-Awtorità Maltija tal-Mediċini.

Id-Direttur Maniġerjali ta’ dan l-istitut Dr Snežana Mugoša u d-Deputat Direttur Dr Mira Kontić, spjegaw kif tul din iż-żjara ddiskutew l-oqsma ta’ koperazzjoni ma’ pajjiżna b’rabta mar-regolazzjoni fil-qasam tal-mediċini u l-mezzi mediċinali.
Dan jinkludu taħriġ kif ukoll opportunitajiet ta’ mentoring bħala parti mill-proġett “Twinning Light” tal-Unjoni Ewropea.

It-tmexxija tal-Istitut tal-Mediċini u l-Mezzi Mediċinali tal-Montenegro sostniet kif l-għażla ta’ Malta bħala mudell ta’ tmexxija f’dan il-qasam hija bbażata fuq il-kompetenza eċċellenti tagħha fil-qasam.

B’reazzjoni għal dan il-Ministru Jo Etienne Abela sostna li “żjara bħal din tkompli tpoġġi lil pajjiżna fiċ-ċentru biex issir medical hub ta’ importanza. Dan huwa ukoll ċertifikat ta’ ħidma eċċellenti li qed twettaq l-Awtorità Maltija tal-Mediċini.”

Min-naħa tiegħu, il-Professur Anthony Serracino Inglott, li huwa ċ-Chairperson tal-Awtorità Maltija tal- Mediċini, qal li “matul din iż-żjara ġew diskussi l-oqsma ta’ koperazzjoni ma’ pajjiżna b’rabta mar-regolazzjoni fil-qasam tal-mediċini u l-mezzi mediċinali. Dawn jinkludu taħriġ u opportunitajiet ta’ mentoring.”

Sport