Meta wieħed jitkellem dwar is-sorijiet, l-ewwel ħsibijiet li jiġuh f’moħħu huma dawk ta’ ħajja ddedikata għat-talb u għal servizz mimli mħabba lill-komunità f’isem Alla. Wieħed però, ma jridx jillimita ruħu għal dawn biss għax barra x-xogħol tant importanti li jagħmlu eluf ta’ sorijiet madwar id-dinja kollha, irridu niftakru li dawn huma persuni bħal kulħadd li wkoll jixraqilhom li jkollhom il-passatempi tagħhom u l-ħin tar-rikreazzjoni. Fost l-attivitajiet “barra” d-devozzjoni reliġjuża, hemm sorijiet li jagħżlu dawk sportivi u waħda partikolari, Sister Linda Sim, fl-età ta’ 67 sena saret famuża wara li rnexxielha tirbaħ titlu mondjali fl-arti marzjali tat-Taekwondo.
Bi statura żgħira ħafna, din is-soru minn Singapore ddikjarat li, “minn dejjem kont magħmula żgħira imma jekk niflaħ niġri kapaċi nagħti d-daqqiet ta’ sieq. M’għandix għalfejn inġorr arma fuqi biex niddefendi lili nnifsi”. Skont artiklu ppubblikat fuq “TNP Singapore”, Sr Linda Sim tikkonsidra lilha nnifisha bħala arma.
Din is-soru ngħaqdet mal-Missjunarji Franġiskani tal-Omm Divina 43 sena ilu u baqgħet tipprattika l-arti marzjali. Hija waslet f’livell avvanzat ħafna tant li qiegħda timpressjona lil ħafna nies. Wieħed forsi jistaqsi lilu nnifsu kif tista’ soru li ddeddikat ħajjitha għal Alla, tmur għal attività sportiva ta’ dan it-tip, iżda Sr Linda tispjega li l-“Poomsae” (sekwenza ta’ movimenti fit-Taekwondo) għaliha hija forma ta’ arti u tip ta’ żifna.
Hija tisħaq li din l-arti marzjali mhiex vjolenti u tikkwota l-motto tal-World Taekwondo li huwa – ‘Il-Paċi hija aktar Prezzjuża mill-Kisbiet u mir-Rebħiet’. Il-missjoni ta’ din is-soru hija dik li twassal il-Kelma t’Alla lill-persuni li ma jmorrux fil-knejjes.
Ċinturin iswed 5th Dan u mhux se tieqaf hawn!
F’April 2022 l-isportiva fifth-dan black belt uriet il-kapaċitajiet tagħha u saret l-ewwel persuna minn Singapore li rebħet il-medalja tad-deheb fil-kampjonati mondjali tat-Taekwondo Poomsae li saru fil-Korea t’Isfel. B’differenza minn arti marzjali oħra, dan l-isport jikkonċentra fuq id-difiża personali u l-atleta tiġġieled kontra persuna immaġinarja. Sr Linda f’din il-kompetizzjoni prestiġġjuża rebħet lis-sitt avversarji fil-kategorija tagħha skont l-età u saret il-kampjonessa mondjali għal dawk li għandhom ‘il fuq minn 65 sena.
Meta rebħet dan it-titlu kbir Sr Linda stqarret li, “ħassejtni fil-quċċata tad-dinja għax ilħaqt livell importanti ferm fil-vjaġġ tiegħi fit-Taekwondo. Ninsab kuntenta mmens għax din hija l-ewwel darba li ċittadin minn Singapore rebaħ medalja tad-deheb u għal dan nirringrazzja lil Alla”.
David Koh, il-president attwali tal-Federazzjoni tat-Taekwondo f’Singapore (STF) qal li l-federazzjoni tagħhom huma kburin ħafna biha u żied jgħid li Sr Linda “hija xhieda eżemplari ta’ kemm l-attivitajiet sportivi huma għal kulħadd”.
Minflok issalva l-ħajjiet bdiet issalva l-irwieħ
Din is-soru milli jidher minn dejjem kienet persuna attiva ħafna u ta’ ċertu karattru sod u reżiljenza liema bħalha. Meta kienet daqsxejn ta’ tifla hija riedet tilħaq jew pulizija jew inkella suldat. Din il-ħolma sfortuntament sfaxxat fix-xejn meta hija saret taf li n-nisa kienu aktar involuti fix-xogħol amministrattiv milli f’azzjoni.
Meta Sr Linda kibret u laħqet l-età tagħha, minflok għażlet li ssalva l-ħajjiet hija kellha s-sejħa li ssalva l-irwieħ tan-nies. Minkejja li ommha kellha xi dubji dwar dan Sr Linda ddeċidiet li tiddedika ħajjitha lil Alla bħala soru. Ommha ħasset li dan il-pass se jeħdilha lil bintha u fil-fatt damet aktar minn 10 snin biex aċċettat il-volontà ta’ bintha. Is-soru rigward dan spjegat li, “kont noħroġ u nixxala. Kont nagħmel kull tip ta’ attivitajiet sportivi wkoll iżda dejjem ħassejt ċertu vojt fijja. Bqajt nisma’ l-vuċi t’Alla u sibt il-paċi meta dħalt f’kongrezzjoni ta’ sorijiet”.
“Minn dejjem kont magħmula żgħira imma jekk niflaħ niġri kapaċi nagħti d-daqqiet ta’ sieq. M’għandix għalfejn inġorr arma fuqi biex niddefendi lili nnifsi”
Sister Linda
Minħabba x-xogħol mitlub minnha, din ir-reliġjuża daret l-erbat itruf tad-dinja. Fosthom missjonijiet importanti hija għamlet 17-il sena fir-Renju Unit f’kunvent partikolari, kif ukoll tliet snin bħala amministratur fi sptar f’Zimbabwe. Kien 15-il sena ilu meta hija kienet taħdem ma’ tfal morda bil-kanċer li bdiet tinteressa ruħha b’serjetà fit-Taekwondo. Fil-fatt, STF kienu qegħdin jagħmlu sessjonijiet speċjali ta’ taħriġ għal tfal morda bil-kanċer rikoverati fl-isptar ta’ Assisi li l-FMDM waqqfet f’Singapore. Tul is-sessjonjiet għaż-żgħar, is-soru ġiet imħarrġa f’din l-arti marzjali ħalli tgħinha fit-tagħlim tagħha tal-istess tfal. Minn ħaġa ġġib oħra u Sr Linda rrealizzat li mhuwiex tard għaliha biex tikkompeti f’kompetizzjonijiet internazzjonali. Kien hawn li hija kkompetiet fil-Korea t’Isfel.
25 kompetizzjonijiet internazzjonali b’rebħ ta’ 30 midalja
“Wara li rajt atleti b’xaharhom griża ddeċidejt li npoġġi moħħi hemm u nitħarreġ biżżejjed ħalli nirrappreżenta lil Singapore. Lil pajjiżi nħobbu u jiena kburija ħafna b’art twelidi,” kompliet din ir-reliġjuża. Minkejja li Sr Linda hija dejjem bieżla ħafna għax trid tikkordina x-xogħol tal-missjoni tas-sorijiet FMDM f’Singapore, hija rnexxielha tiddedika biżżejjed ħin biex tipparteċipa f’25 kompetizzjonijiet internazzjonali. B’mod impressjonanti hija kisbet 30 midalja.
Biex tilħaq il-livell avvanzat fid-dixxiplina tagħha, din il-kampjonessa mondjali kellha titħarreġ tliet darbiet fil-ġimgħa. Minkejja li huwa rrapportat li Sr Linda kellha xi wġigħ ‘l hawn u ‘l hemm hija nsistiet li għaliha “l-età mhiex problema”. Din is-soru li tinsab f’età tal-irtirar qalet li m’għandha ebda ħsieb li twarrab iċ-ċinturin iswed tagħha. Almenu mhux fil-futur viċin. Kull nhar ta’ Sibt hija tgħallem grupp ta’ tfal id-dixxiplina tat-Taekwondo. Waħda mill-ġenituri tal-istudenti tagħha, Pamela Lim, qalet li, “Sr Linda hija ta’ eżempju tajjeb ħafna għat-tfal żgħar. Aħna nafu għax naraw b’għajnejna kemm hija ddedikata u tħobb it-Taekwondo, kif ukoll bieżla fix-xogħol li tagħmel bħala soru Kattolika”.
“Minn dejjem kont magħmula żgħira imma jekk niflaħ niġri kapaċi nagħti d-daqqiet ta’ sieq. M’għandix għalfejn inġorr arma fuqi biex niddefendi lili nnifsi” – Sister Linda