Thursday, April 18, 2024

FEJN GĦEB IR-REDUS?

Darryl Grech

Aqra wkoll

Kaġun tal-eventwali bidla taż-żminijiet, huma ftit dawk fostna li llum il-ġurnata huma midħla jew wirtu l-għarfien li fi l-gżejjer tagħna, minkejja l-limitazzjonijiet taċ-ċkunija tagħhom, xorta waħda huma mgħammra b’numru ta’ riżorsi ta’ bijodiversità li huma uniċi fi d-dinja. Fost dawn il-ħlejjaq insibu numru ta’ bhejjem ta’ razza indiġena, li kif jgħid tajjeb il-Malti, “jiswew mitqlu deheb!”

Mawra fl-imgħoddi, maħluqa faċilment b’ħarsa lejn r-ritratti tal-passat, li jagħtuk togħma tal-ħajja ta’ dak iżżmien, fost it-tifkiriet minsija, donnhom surreali, ta’ sbuħija, ta’ ħajja sempliċi iżda hienja, u xenarju verġni, hekk murija f’dawn ir-rikordji, wieħed faċli jilmaħ ukoll bosta merħliet ta’ mogħoż. Kull ritratt jgħid storja, u apparti li jqanqlu tifkiriet u nostalġija, dawn il-memorji jkomplu jsostnu li l-mogħża Maltija tassew iżżewwaq u tagħmel parti kbira mill-wirt tradizzjonali ta’ pajjiżna.

Tibqa stampata ġol-imħuħ, dik ix-xena raħlija, mimlija ħajja tipikament Maltija, unika u pittoreska ta’ ċorma mdaqqsa ta’ mogħoż, imżewqa għamliet, tbajja’ u lwien, għaddejja minn ġo dawk it-toroq dojoq kwieti ta’ bosta bliet u rħula, bir-ragħaj ilebbet warajhom hekk kif dlonk jaqbad iħaffef il-pass sabiex b’damma ta’ kliem jidderieġi l-merħla tiegħu bla waqfien. Dan bil-għan li jassigura nuqqas ta’ tilwim mal-popolin li spiss kien ikun il-kaġun ta’ tixlif mal-awtoritajiet, għaliex “fejn tqarram il-mogħża jisħet” peress li għal din il-kreatura kurjuża u stinata, meta fi l-libertà li timraħ, kollox jgħodd għal taħt sniena!

Malli kienet tfeġġ fil-bieb, b’bott f’idha, miżmum mill-widna, dik il-mara bieżla dejjem medhija bix-xogħol ta’ darha, li minħabba t-tali ħidma rari tixref mill-bieb ’il barra, minnufih ir-ragħaj, imgeżwer fi lbies mhux ta’ rtokk iżda ġeneralment b’kabozza, terħa u beritta, kien ikun ġa laħaq tefgħa fi l-mira mill-bosta, mogħża qandlija, mgħobbija ħalib u xiklija b’kobor driegħha jitbandal hi u miexja, sabiex tinħaleb ħdejn l-għatba tal-bieb.

Hekk kif ir-ragħaj jersaq qrib il-magħżula tiegħu, minn fommu kien isawwar dawk il-ftit kliem, “ejja belqa ħi, ejja ħa,” b’reqqa ta’ ton assertiv iżda ġentili u donnu sentimentali, li jserraħ, tant li kien għaraf iqanqal reazzjoni u jikkalma lil din il-bhima minnufih. Il-mogħża wkoll bħal donnha tinganna li mdaħħla fi speċi ta’ djalogu ma’ sidha, turi li lesta taċċetta għemilu u s-seher tiegħu fuqha billi “tinbee” lejh hekk kif tintebaħ li riesaq qribha. Bla tbatija ta’ xejn kien ikompli billi jbaxxi lejha u jżommha mill-ħannieqa li kienet tkun imlibbsa madwar għonqha, għaliex il-mogħża Maltija naturalment hija fartasa u mhux qarna.

Ir-ragħaj, b’xeħta ta’ bniedem mimli ħila għaliex xogħlu jagħmlu bl-akbar reqqa, bil-galbu kien jinżel baxxut kokka wara l-mogħża, imattar idejh u b’sebgħu jofroq u jwarrab minn nofs ilpil twil mgħammra bih din il-bhima tal-ħalib, b’hekk imsejħa midliela. Dan sabiex jikxef sew driegħha biex jilmaħ u jaħkem f’idejh beżżula. Fil-bott lest imħejji poġġut fl-art kien jibda jgeżgeż il-ħalib sakemm geżż wara geżż, taħt ħarset ix-xerrejja, ifawru sa ruħ ommu bil-ħalib u mhux ragħwa! Mezz tassew effiċjenti li kien iwassal ħalib frisk fi d-djar minnufih.

Darryl Grech

Din il-bhima indiġena, barra li sawret it-tradizzjonijiet u l-għejxien ta’ missirijietna, hija riflessjoni u parti mill-identità nazzjonali tagħna, u dan għaliex l-għaġna ta’ din ir-razza, imnissla mil-Lvant Nofsani, hija frott il-qilla li wriet fi l-konfront tal-bidliet li kellha tgħaddi minnhom sabiex irnexxielha tfendi u tgħix fi ċ-ċirkostanzi ta’ pajjiżna u taddatta għall-kundizzjonijiet kemxejn kiefra tal-gżejjer tagħna.

Għalkemm sajmin mittagħrif, jekk nagħrblu ftit l-istorja ta’ pajjiżna, faċli nintebħu li l-mogħża Maltija minn dejjem kellha post ċentrali fl-għejxien tagħna. Bix-xieraq l-għożża kbira mħaddna b’għeruq sodi mal-antenati tagħna! Kienu huma li għarfu għażlu bl-iżjed għaqal dawk il-bhejjem għan-nisel biex itejbu din ir-razza. Saħansitra miklem ir-raħħal, bl-għażla tal-kliem u l-espressjonijiet faħħara mitqala minnu, jikxfu l-għożża midfuna f’qalbu u jenfasizzaw il-passjoni li jxaqilbu lejn ir-romantiċiżmu li huwa għandu marbut lejn din il-bhima.

Ġara iżda li fost il-kulturi li saltnu fuq il-poplu Malti tul is-sekli, taħt il-ħakma dewwiema tal-imperu Ingliż, ġie influwenzat bil-kbir is-sinifikat storiku u kulturali tal-mogħża Maltija f’pajjiżna.

Dawn tal-aħħar stqarrew li riedu li Malta tibda titqies bħala waħda progressiva u l-azzjonijiet tagħhom saru iktar ristretti u ordinati. Biex jaħarbu minn din id-dinja mwaħħla fi ż-żmien għal waħda moderna, bdew billi dawru ħarsithom lejn il-mogħża, li dejjem stkerrhu għaliex f’għajnejhom kienet meqjusa bhima tal-fqir u li tħammeġ it-toroq bir-redus!

Fil-bidu tas-seklu għoxrin, il-mogħża Maltija ġiet ippreżentata bħala l-kaġun ewlieni tad-deni rqiq u b’hekk tnedew u ġew imħeġġa numru ta’ miżuri mill-awtoritajiet li wasslu sabiex tnaqqset drastikament il-popolazzjoni ta’ din il-bhima. Dan il-preġudizzju għadha ssofri minnu sal-ġurnata tal-lum. F’dan l-imsemmi perijodu, gżuz ta’ mogħoż sfaw vittma ta’ tpartit ma’ bhejjem impurtati ta’ laħam il-fart jew qatla.

Spiċċat f’qagħda mwiegħra tassew is-sitwazzjoni fi t- Tieni Gwerra Dinjija. F’medda ta’ ftit snin ingħatat l-ordni li jinqatlu eluf ta’ mogħoż sabiex jitrejjaq il-poplu fl-eqqel ta’ din il-gwerra. Kompliet tgħakkset il-populazzjoni mal-kisba u l-miġja ta’ bdabad Ingliżi tar-razza “Sanaan” fi xtutna. It-tgħammir bla rażan b’dawn il-bdabad ġie mħeġġeġ bil-ħsieb li fi żmien qasir terġa’ tissaħħaħ il-popolazzjoni u titjieb fi l-produzzjoni.

Kawża ta’ din it-taħlita u t’oħrajn tul is-snin, tħallat id-demm tal-maġġorparti tal-popolazzjoni tar-razza ta’ din il-bhima. Dawn il-fatturi wasslu sabiex il-popolazzjoni talmogħża indiġena Maltija hija mhedda. Sfortunatament, lest għaliha reġa’ għandha l-għawġ iħabbat biebha u dan minħabba l-għoli mhux mistenni tal-prezz tal-ġwież!

Hu ferm meħtieġ li r-riċerka u l-ħidma ta’ konservazzjoni ma tiqafx, sabiex nevitaw li din ir-razza ta’ nisel pajjiżna ma tinqeridx darba għal dejjem!

Ekonomija

Sport