Tuesday, May 14, 2024

Sospiżi l-applikazzjonijiet għal ċittadinanza tar-Russja u l-Belarus

Aqra wkoll

L-Aġenzija Community Malta u l-Aġenzija ta’ Residency Malta ssospendew l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet minn ċittadini tal-Federazzjoni Russa u l-Belarussja. Dan sar b’riżultat ta’ żviluppi reċenti li minħabba fihom il-kontrolli eżistenti ta’ diliġenza ma jistgħux jitwettqu b’mod effettiv fix-xenarju attwali. 

Strqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunita qalet li l-Aġenzija Community Malta, l-Aġenzija Identity Malta, u l-Aġenzija ta’ Residency Malta ħadu din id-deċiżjoni fl-istesswaqt li kienu qed jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, ir-Russja u l-Belarussja.

L-istqarrija żiedet tgħid li wara kontrolli bir-reqqa, rriżulta li l-ebda benefiċjarju ta’ kwalunkwe status, relatat mal-għoti ta’ ċittadinanza jew residenza, ma jinsab fil-Lista ta’ Sanzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Bl-istess mod, bħalissa ma hemm l-ebda applikazzjoni minn individwi fil-Lista ta’ Sanzjonijiet tal-UE. 

Il-proċess ta’ diliġenza li għaddej bħalissa jiżgura l-immarkar ta’ individwi li jidhru fuq listi ta’ sanzjonijiet minn żmien għal żmien. F’każijiet bħal dawn, l-aġenziji japplikaw il-proċessi kollha pprovduti bil-liġi biex jirrevokaw kwalunkwe status mogħti lil dawn l-individwi.

Minkejja l-fatt li l-ebda benefiċjarju ta’ kwalunkwe status ta’ ċittadinanza jew residenza ma jkun fuq il-Lista tas-Sanzjonijiet tal-UE, it-tiġdid tal-istatus tal-benefiċjarji se jiġi pproċessat fuq bażi ta’ każ b’każ skont il-proċeduri eżistenti. Dawn jinvolvu kontrolli ġodda tal-konformità biex jiġi żgurat li l-benefiċjarji jkomplu jibqgħu eliġibbli.

Sport