Spanja……2
Svezja ……1
Spanja għelbu lill-Isvezja bl-iskor ta’ 2-1 fi tmiem eċċitanti biex ikkwalifikaw għall-ewwel finali tat-Tazza tad-Dinja tan-Nisa.
Il-captain Olga Carmona skorjat il-goal tar-rebħa fid-89 minuta biex qanqlet xeni emozzjonali ta’ ferħ fost il-partitarji tagħhom f’Eden Park, f’Auckland.
L-Isvezja – li issa tilfu s-semifinali tat-Tazza tad-Dinja għat-tieni darba konsekuttiva – kisbu d-draw permezz ta’ Rebecka Blomqvist 93 sekonda biss qabel il-goal tar-rebħa fejn kollox deher li l-partita kienet sejra għall-ħin barrani.
Kienet partita bilanċjata ta’ ftit ċansijiet u kien fit-80 minuta li ġie żblukkat l-iskor meta s-sostituta Salma Paralluelo, ta’ 19-il sena, fetħet il-vantaġġ biex il-partita qamet fuq tagħha.
Fil-finali huma jaffrontaw lir-rebbieħa bejn l-Awstralja u l-Ingilterra, fl-Australia Stadium, f’Sydney.