Saturday, May 4, 2024

“Il-mewt se jibqa’ jkiddna dejjem … jeħtieġ ingawdu l-ħajja għax qegħdin hawn għal erbat ijiem”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Dak l-għadu, il-mewt u l-kultura tal-mewt, se jibqa’ jkiddna dejjem. Aħna wkoll ittentati mill-kultura tal-mewt, il-vjolenza, l-aggressjoni, il-qtigħ il-qalb, il-gwerra, il-qtil tal-innoċenti, u l-mod kif nitrattaw l-anzjani.” Iddikjara dan I-Arċisqof Charles Scicluna waqt il-quddiesa fis-Solennità ta’ Ommna Marija Mtellgha s-Sema, li saret aktar kmieni fil-Bażilika Minuri tal-Mosta.

Waqt l-omelija l-Arċisqof tkellem dwar kif il-festa ta’ Santa Marija hi festa ta’ tama għalina lkoll għaliex bil-fidi soda tagħha f’Ġesù, il-Madonna turina li l-ħajja dejjem tirbaħ fuq il-mewt. Bin-nuqqasijiet kollha tagħna, qal l-Arċisqof, aħna magħżula biex inkunu ambaxxaturi tal-ħajja mill-bidu sat-tmiem tagħha, kull fejn inkunu. “Aħna għandna destin sabiħ, il-ħajja ta’ dejjem, li nistgħu nibdewh minn din il-ħajja jekk nagħżlu l-imħabba u s-servizz bħala l-istil tal-ħajja tagħna. Jekk fil-konfront mal-kultura tal-mewt fil-forom kollha tagħha, aħna nagħmlu għażla ċara favur il-ħajja, favur id-dinjità ta’ kull ħlejqa, favur id-destin sabiħ tal-umanità, favur il-vokazzjoni ta’ kull wieħed u waħda minna, żgur li nħallu d-dinja aħjar milli sibnieha.”

Scicluna kompla biex jisħaq li jeħtieġ li bħala bnedmin nifhmu li qegħdin hawn għal erbat ijiem u li għalhekk kull jum huwa prezzjuż u mhux ta’ min jaħlih. “Jeħtieġ li l-ħajja ngawduha kull jum billi nagħmluh jum ta’ mħabba u qadi”, temm jgħid l-Arċisqof.

Sport