Il-Portugall u Spanja għadhom qed jissieltu biex irażżnu n-nirien mifruxa li ħakmu eluf ta’ ettari ta’ art fost temperaturi dejjem jogħlew. Fil-fatt, kien hemm waqtiet fejn it-temperaturi qabżu l-46°C.
Mijiet ta’ pumpieri qed jaħdmu lejl u nhar fi sforz biex jitfgħu n-nirien li ħakmu fiż-żewġ pajjiżi Ewropej. Fil-Portugall, qrib il-belt tan-Nofsinhar ta’ Odemira in-nirien kien għadhom jaħkmu matul il-lejl nhar it-Tnejn, b’aktar minn 1,400 persuna kellhom jiġu evakwati.
F’temperaturi li jaqbżu l-40°C mill-inqas disa’ pumpieri ndarbu waqt il-ġlieda tagħhom kontra n-nirien. Temperaturi għoljin huma mistennija jolqtu l-parti l-kbira mill-peniżola Iberika din il-ġimgħa.
Tliet nirien kbar li ħarqu mijiet ta’ ettari fi Spanja ġew ikkontrollati fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, iżda twissijiet dwar temp sħun għadhom fis-seħħ madwar il-maġġoranza tal-pajjiż.
Fil-Portugall, nhar it-Tnejn it-temperatura laħqet 46.4°C, li rreġistrat l-aktar ġranet sħan tas-sena s’issa.
In-nar qrib Odemira beda nhar is-Sibt u kompla jinfirex fin-nofsinhar fl-għoljiet ta’ ġewwa tal-Algarve, ir-reġjun turistiku ewlieni tal-Portugall.
S’issa diġa nqerdu madwar 6,700 ettaru ta’ art, filwaqt li total ta’ 19-il villaġġ, erba’ akkomodazzjonijiet turistiċi u sit għall-ikkampjar ġew evakwati.
Is-sitwazzjoni hija kritika, diffiċli u kumplessa. Fiċ-ċentru tal-pajjiż, nirien kbar oħra wasslu għall-għeluq ta’ diversi meded ta’ awtostrada, inklużi partijiet mit-triq bejn Lisbona u Porto.
L-awtoritajiet iddikjaraw aktar minn 120 muniċipalità madwar il-Portugall f’riskju massimu ta’ nirien.
Fi Spanja, nirien qrib il-bliet kostali tal-Lbiċ ta’ Cadiz u Huelva u fir-reġjun tat-Tramuntana tal-Katalunja ħarqu aktar minn 1,000 ettaru b’kollox is-Sibt u l-Ħadd.
Il-mewġa ta’ sħana ta’ din il-ġimgħa se timmarka t-tielet mewġa li laqtet il-peniżola Iberika dan is-sajf.
Ruben del Campo tal-Aġenzija Meteoroloġika tal-Istat ta’ Spanja qal lil Reuters li dan kien ikkawżat minn massa kbira ta’ arja sħuna u niexfa mill-Afrika ta’ Fuq u se tkun “ġeneralment aktar intensa, aktar mifruxa u ftit itwal” mit-tnejn li laqtu f’Lulju. .
It-tibdil fil-klima jżid ir-riskju tat-temp sħun u niexef li x’aktarx iqanqal in-nirien mifruxa. Id-dinja diġà saħħnet b’madwar 1.1°C minn mindu bdiet l-era industrijali u t-temperaturi se jibqgħu jogħlew sakemm il-gvernijiet madwar id-dinja ma jagħmlux tnaqqis qawwi fl-emissjonijiet.