Spanjol ta’ 22 sena inżamm arrestat wara li nhar it-Tlieta tressaq il-Qorti, fejn kien mixli li importa l-kannabis. Il-każ imur lura għal Settembru li għadda, meta uffiċjali tad-dwana f’Ħal Luqa għamlu t-tfittxijiet tagħhom u sabu pakkett ta’ madwar 400 gramma tal-kannabis moħbija fil-logħba tal-Ludo.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur tal-Pulizija Marshal Mallia qalet li minn investigazzjonijiet preliminari tal-pulizija rriżulta li l-isem fuq il-pakkett kien falz u l-indirizz speċifikat kien diżabitat.
L-akkużat, David Jimenez Madrigal wieġeb li mhuwiex ħait għall-akkużi kollha miġjuba kontrih, filwaqt li għamel talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat it-talba għall-ħelsien mill-arrest tar-raġel, bl-Ispettur Mallia jargumenta li kollox jindika li d-droga ma kinitx għall-użu personali tiegħu. Huwa żied jgħid li Madrigal ma kkooperax mal-Pulizija u li ta informazzjoni falza dwar l-indirizz.
L-avukati Franco Debono u Francesca Zarb li qed jidhru għall-akkużat qalu li s-sitwazzjoni kienet ironika, u li l-istat poġġa l-karrettun qabel iż-żiemel u flok l-ewwel illeġiżla dwar fejn takkwista legalment id-droga, legalizza l-pussess ta’ sustanza li ma tistax tinxtara legalment.
Fil-Qorti, il-Maġstrat Lara Lanfranco, li pprosediet il-każ innutat l-inċertezza dwar l-indiriizz tiegħu, in-nuqqas ta’ rabtiet tiegħu ma’ Malta u r-riskju li l-akkużat jaħrab mill-pajjiż.
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ħarġet ordni fuq l-assi kollha tal-akkużat David Jimenez Madrigal, kif meħtieġ f’każiijiet ta’ traffikar tad-droga.