Tuesday, December 24, 2024

Spazji ġodda ta’ qari għall-anzjani residenti f’San Vinċenz de Paul

Aqra wkoll

Flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, is-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva varaw kunċett ġdid ta’ librerija f’San Vinċenz de Paul. Dan il-proġett involva t-twaqqif ta’ tliet telephone booths, li saru mill-ħaddiema tat-taqsima tal-manutenzjoni, u li issa se jservu bħala post fejn ir-residenti jistgħu jissellfu ktieb.

Dawn il-libreriji ġew imqiegħda f’postijiet li huma ffrekwentati regolarment mir-residenti u l-qraba tagħhom. Il-libreriji fihom aktar minn 200 ktieb bil-Malti u bl-Ingliż li ngħataw b’donazzjoni mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

Is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal din l-inizjattiva. “Din il-librerija mhux biss tgħin biex tippromwovi l-qari fost l-anzjani tagħna, imma wkoll tipprovdi spazju għal aktar interazzjoni u attività mentali, li huma kruċjali għall-benesseri ta’ kull individwu. Nirringrazzjaw lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb talli pprovdew dawn ir-riżorsi li bihom se nkunu qed inkomplu nippromwovu l-qari u l-attività mentali fost l-anzjani.”

ll-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri tkellem dwar l-importanza li l-kotba jkunu aċċessibbli anki għall-komunitajiet vulnerabbli.

B’dan il-kunċett ġdid, San Vinċenz de Paul qed ikompli jżid mal-attivitajiet varji li joffri, b’enfasi qawwija fuq il-promozzjoni tal-qari u l-anzjanità attiva.

Ekonomija

Sport