Spazju multisensorjali fl-Emerġenza ta’ Mater Dei biex it-tfal isibu ambjent aktar kalm u sigur waqt il-kura

Aqra wkoll

Ġie ffirmat ftehim li permezz tiegħu l-Ambaxxata Ċiniża f’Malta se tagħti donazzjoni ta’ €45,000 b’appoġġ għall-iżvilupp ta’ spazju multisensorjali għat-tfal fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei. Dan il-proġett għandu l-għan li joffri ambjent aktar kalm u sigur għat-tfal bl-awtiżmu, bi bżonnijiet addizzjonali jew b’diffikultajiet fl-ipproċessar sensorjali waqt li jkunu qed jirċievu l-kura.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg spjega li żjara fl-Emerġenza tista’ tkun esperjenza stressanti għal kwalunkwe tifel jew tifla. Għal tfal bi bżonnijiet sensorjali partikolari, l-istorbju, id-dawl u l-ambjent mhux familjari jistgħu jagħmlu din l-esperjenza aktar diffiċli. Għalhekk, il-kwalità tal-kura trid tinkludi wkoll ambjent li jilqa’ u jirrispondi għall-bżonnijiet individwali tal-pazjent.

“Malta u ċ-Ċina għandhom storja twila ta’ 54 sena ta’ kooperazzjoni. Dan huwa proġett żgħir iżda sinifikanti ħafna, li permezz tal-kollaborazzjoni tagħna mal-Gvern Ċiniż, irrappreżentat mill-Ambaxxata Ċiniża f’Malta, se jgħinna noħolqu spazju multisensorjali għat-tfal li jiġu għall-kura. Nirringrazzja lill-Ambaxxata għal din id-donazzjoni ġeneruża, li se tagħmel differenza konkreta għat-tfal tagħna u għall-familji tagħhom,” qal id-Deputat Prim Ministru.

L-inizjattiva tifforma parti mill-pjanijiet għall-estensjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza. Madankollu, sabiex dawn it-tfal jingħataw appoġġ minn issa, qed issir ħidma biex jiġi introdott spazju multisensorjali wkoll fid-dipartiment eżistenti. Dan l-ewwel pass se jippermetti li jiġu evalwati l-benefiċċji tiegħu fil-prattika u li l-esperjenzi tat-tfal, tal-ġenituri u tal-professjonisti tas-saħħa jgħinu fl-iżvilupp ulterjuri tas-servizz.

“Inħarsu ’l quddiem biex nevalwaw is-suċċess ta’ dan il-proġett u biex l-esperjenza li niksbu tgħinna ninkorporaw dan is-servizz fl-estensjoni tal-Emerġenza ta’ Mater Dei. Nirringrazzja lill-professjonisti tas-saħħa li ħadmu biex din l-idea titressaq ’il quddiem. Servizz tas-saħħa inklużiv ifisser li nadattaw il-kura għall-bżonnijiet ta’ kull individwu,” żied jgħid Dr Borg.

L-Ambaxxatur Ċiniż għal Malta Zhang Zuo qal li Malta hija sieħeb importanti taċ-Ċina fi ħdan l-Unjoni Ewropea u li l-kooperazzjoni fil-qasam tas-saħħa hija aspett ewlieni tar-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi. Id-Deputat Prim Ministru rringrazzja wkoll lill-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca talli mexxiet din l-idea ’l quddiem u għall-appoġġ tagħha permezz tal-Malta Trust Foundation, li se tkun qed tikkopera fl-iżvilupp ta’ dan il-proġett.

 Min-naħa tagħha, il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, qalet: “Huwa tassew ta’ sodisfazzjon li d-Deputat Prim Ministru mill-ewwel wera li qed jisma’ u jifhem il-ħtieġa ta’ spazju multisensorjali fl-Isptar Mater Dei. Is-sodisfazzjon huwa doppju għaliex fittex ukoll l-għarfien u l-esperjenza li għandna bħala Malta Trust Foundation sabiex ngħinu fl-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett. Inħares ’il quddiem biex naraw aktar proġetti simili jilħqu lil dawk kollha li jkollhom bżonn dan l-appoġġ.”

Din l-inizjattiva se tkun ta’ sostenn mhux biss għat-tfal u l-adoloxxenti iżda wkoll għall-ġenituri u l-familji, li f’mument ta’ tħassib dwar saħħet uliedhom għandhom isibu servizz li jifhem u jakkomoda l-bżonnijiet partikolari tagħhom. Għaliex wara kull servizz hemm persuna, wara kull tifel jew tifla hemm familja, u kull wieħed u waħda minnhom ħaqqhom kura li twassal ukoll serħan il-moħħ u dinjità.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport