Tuesday, April 23, 2024

Special Olympics: Il-Maltin jagħlqu b’aktar midalji

Aqra wkoll

Illejla kienet l-aħħar ġurnata ta’ l-Ispecial Olympics 2022 li saru f’Malta li kienu suċċess kbir kemm min-naħa tal-atleti li rebħu numru sodisfaċenti ħafna ta’ midalji mit-tliet kuluri kif ukoll mil-lat ta’ organizzazzjoni.

Dawn il-Logħob ġew fit-tmiem meta aktar tard filgħaxija saret iċ-Ċerimonja tal-Għeluq fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt, bħal ma kien il-każ taċ-Ċerimonja tal-Ftuħ nhar is-Sibt filgħaxija fl-istess post.

Min segwa l-azzjoni kemm fil-postijiet tal-kompetizzjoni kif ukoll fuq it-televiżjoni ma setax ma jammirax lil dawn l-atleti jistinkaw u jifirħu meta jispiċċaw rebbieħa, li kien ifisser li kienu sodisfatti mmens bix-xogħol u l- preparamenti li għamlu qabel biex l-għan tagħhom jirnexxi.

Fl-atletika, li saret fil-Matthew Micallef St. John Stadium, il-Marsa, l-atleti tagħna komplew jirbħu l-midalji meta fit-800 metru tal-irġiel spiċċaw rebħu tnejn, waħda tal-fidda u oħra tal-bronż. Dik tal- fidda rebaħha Jake Gatt u dik tal-bronż Gareth Borg.

Fil-200 metru tal-irġiel kien Gilmour Borg li rebaħ il-midalja tad-deheb meta ddomina t-tellieqa segwit minn atleti mill-Portugall u mill-Istati Uniti kif ukoll midalja tad-deheb f’kategorija oħra tal- istess distanza ġiet mirbuħa minn Isaac Meli.

Fil-200 metru femminili kienet Rebecca Dalli li rebħet il-midalja tad-deheb waqt li Naomi Axisa ħadet dik tal-bronż.

Fis-Softball Throw saru erba’ avvenimenti fejn f’dik tal-irġiel Lucas Grech rebaħ id-deheb, Johan Saliba ħa l-fidda u Lee Camil­leri rebaħ il-bronż.

Fis-Softball Throw Mixed l-Ewwel Diviżjoni l-midalji ma naqsux fejn Yannick Mangion rebaħ il-fidda wara t-Taliana, Consuela Fer­rara, li rebħet il-midalja tad-deheb.

Imbagħad fis-Softball Throw Mixed it-Tieni Diviżjoni, Sean Camilleri rebaħ il-midalja tad-  deheb, Charlene Magro l-fidda u Neil Gellel il-bronż.

Fis-Softball Throw kategorija Open, anke hawn ġew mirbuħa tliet midalji, li ġew mill-irġiel Alec Falzon li rebaħ id-deheb, Cody Buhagiar il-fidda u Steven Vella l-bronż.

Fil-bowling li sar fl-Eden Super Bowl f’Paceville, saret il-kategorija tat-timijiet fejn f’Diviżjoni 1 Team Malta 1 rebaħ id-deheb b’2064 punt meta kien iffurmat minn Nicholas Farrugia, Kieran Jurgen Pace, Mark Serge u Bjorn Tabone.

F’Diviżjoni 2, Team Malta 2 rebaħ il-fidda u l-bronż bit-team li spiċċa t-tieni kien kompost minn Angele Azzopardi, David Cauchi, Marika Rodgers u Mikkel Vaage, filwaqt li t-team li spiċċa t-tielet kien magħmul minn Karl Borg, Yacob Farrugia, Chanelle Portelli u Andreas Schembri.

Fid-Diviżjoni Unified Team 2, Malta rebħet il-midalja tad-deheb permezz ta’ Philip Gruppetta, Peter Mallia, Rachel Chircop u Amanda Maree Cini. It-team rebaħ din id-diviżjoni b’punteġġ ta’ 2371 punt li huwa l-ogħla punteġġ mit-timijiet kollha li ħadu sehem il-bieraħ.

Fid-dixxiplina tal-għawm li saret fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal- Qroqq, l-għawwiema Maltin ma naqsux li jżidu mal-lista tal-midalji fejn Mark Zammit Cutajar kiseb rebħa tajba fil-25 metru waqt li fil-50 metru butterfly John Benjamin Camilleri rebaħ il-midalja tad-deheb f’tellieqa li huwa ddo­mina.

Fil-Bocce, Malta rebħet il-midalja tad-deheb fil-Unified Teams Doubles permezz ta’ Malta 1 magħmul minn Apap, Peplow, Tabone u Vassallo.

Il-midalji komplew jiżdiedu fejn intrebaħ id-deheb fid-Diviżjoni M1 filwaqt li f’Diviżjoni M2 kien hemm dominju assolut meta t-timijiet Maltin kollha telgħu fuq il-podju waqt li f’Diviżjoni M3, il-Maltin rebħu l-fidda u l-bronż.

Fit-table tennis, il-Maltin kisbu l-bronż fil-kategorija Unified Doubles permezz ta’ Samuel Borg u Jacob Galea meta spiċċaw wara l-Ġermanja u l-Ungerija.

Minn Grupp B Unified Doubles, Christabel Borg u Andrea Cu­tajar rebħu l-fidda filwaqt li fid-Doubles Grupp B il-Maltin rebħu l-fidda wkoll permezz ta’ Adam Pisani u Doreen Vella.

Fis-singles tal-irġiel kien hemm deheb għal Samuel Borg filwaqt li fis-singles tan-nisa Doreen Vella rebħet il-fidda.

Fil-football, l-Ungerija għelbu lil Malta Reds bl-iskor ta’ 2-0 fil-finali ta’ Grupp A tat-tournament  li ntlagħab fil-ground tal-Marsa.

Fil-partita għat-tielet u r-raba’ post l-Isle of Man għelbu lil Malta Whites 3-0.

Fi Grupp B, Ġibilta’ kienu taj­bin wisq għall-Awstrija meta għel­buhom 9-0 u fil-partita għat- tielet u r-raba’ post Liechenstein għelbu lil Iżrael 1-0.

Sport